Porsche Malta irreġistraw sena storika fl-2025, hekk kif il-marka premium kisret ir-rekords kollha ta’ bejgħ fuq il-gżejjer Maltin. Dan ħareġ minn post fuq LinkedIn minn Taryn Mizzi, Brand Manager ta’ Porsche Malta.
Skont Mizzi, l-2025 kienet “l-aktar sena definittiva fl-istorja ta’ Porsche Malta”, fejn it-tim mhux biss laħaq l-aspettattivi, iżda qabeż il-miri kollha stabbiliti minn Porsche Central and Eastern Europe.
Hija spjegat li minkejja li s-sena kienet waħda impenjattiva u li talbet preċiżjoni u fokus kontinwu, it-tim irnexxielu jwassal riżultati eċċezzjonali. “Din ma kinitx sena faċli… imma mhux biss ilħaqna l-aspettattivi, għollejna l-livell,” sostniet Mizzi.
Fost l-akbar suċċessi, il-Porsche Macan irnexxielu jikklassifika fir-raba’ post bħala l-aktar SUV mibjugħ f’Malta, kisba notevoli għal marka premium f’suq normalment iddominat minn brands aktar popolari u aċċessibbli.
Barra minn hekk, Porsche Malta ġie wkoll fir-raba’ post fil-Market Growth Development fost 28 suq fir-reġjun ta’ Porsche Central and Eastern Europe, fatt li jkompli juri s-saħħa tal-istrateġija kummerċjali u l-prestazzjoni tat-tim lokali.
Dan is-suċċess mhux biss jimmarka sena rekord għal Porsche Malta, iżda jindika wkoll bidla fis-suq tal-karozzi f’Malta, fejn marki premium qed jibdew jiksbu aktar popolarità mhux biss f’termini ta’ prestiġju, iżda wkoll fil-volum tal-bejgħ.
Facebook / Porsche – Malta