Il-kantanta lokali Raquela qed tipprepara biex tniedi s-single l-ġdida tagħha bl-isem Sweet Nothings, li ħarġet uffiċjalment fil-25 ta’ Marzu 2026.
Miktuba minn Raquela stess, bi produzzjoni ta’ Jean Paul Borg, il-kanzunetta tidħol fil-fond tal-emozzjonijiet li jħallu warajhom wegħdiet vojta, dawk il-kliem sabiħ li spiss jingħad fil-bidu ta’ relazzjoni, iżda li ma jdumx ma jintesa jew jisparixxi kompletament.
Sweet Nothings tesplora dik is-sensazzjoni komuni ta’ diżappunt u konfużjoni meta xi ħadd jagħmel dikjarazzjonijiet mimlija sentiment, iżda mbagħad jisparixxi jew jagħżel li jinjora dak li kien qal. Il-kanzunetta tmiss ukoll il-frustrazzjoni u l-vulnerabbiltà li tħoss meta ma tingħatax “closure”, messaġġi li jibqgħu bla tweġiba, pjanijiet li jisfaw fix-xejn u responsabbiltà li tisparixxi.
Għalkemm ispirata minn realtajiet moderni, speċjalment fid-dinja tad-dating, il-messaġġ tagħha huwa universali u jista’ japplika għal diversi tipi ta’ relazzjonijiet, inklużi dawk ta’ ħbiberija, familja u anke ambjenti professjonali.
Il-filmat mużikali huwa prodott minn Max Chornomor. Sweet Nothings hi disponibbli fuq il-pjattaformi ewlenin kollha ta’ streaming mill-25 ta’ Marzu, u mistennija tolqot lil ħafna li jistgħu jidentifikaw ruħhom ma’ din l-esperjenza emozzjonali tant komuni.