Temp Instabbli Li Se Jiksaħ – Xita, Riħ U Temperaturi Anqas Mill-Medja Din Il-Ġimgħa

Il-ġimgħa li għadha kif bdiet se tkun ikkaratterizzata minn temp instabbli u temperaturi relattivament kesħin għal dan iż-żmien tas-sena. Skont aġġornament mill-paġna meteoroloġika It-Temp Madwarna, pressjoni baxxa li qed tiżviluppa fuq il-Libja mistennija tintensifika fiċ-ċentru tal-Mediterran matul il-ġurnata tat-Tnejn 16 ta’ Marzu, u se tħalli effett dirett fuq it-temp fil-Gżejjer Maltin.

Dan is-sistema meteoroloġika se ġġib magħha riħ qawwi u xita fil-bidu tal-ġimgħa, filwaqt li lejn nofs il-ġimgħa jidħlu kurrenti aktar kesħin. Għalkemm lejn tmiem il-ġimgħa l-kundizzjonijiet mistennija jitjiebu, it-temperaturi xorta se jibqgħu kemxejn anqas mill-medja staġjonali.

It-Tnejn se jkun jum imsaħħab b’xita, b’riħ moderat mill-Grieg il-Lvant li matul il-ġurnata jduru lejn ix-Xlokk u jissaħħu sa livelli qawwija. Dan ifisser li f’ċerti ħinijiet jista’ jinħass riħ qawwi madwar il-gżejjer.



It-Tlieta l-kundizzjonijiet instabbli mistennija jkomplu, b’aktar sħab, xi ħalbiet ta’ xita u riħ qawwi mill-Grigal. Din il-kombinazzjoni tista’ tagħmel it-temp jidher aktar kiesaħ milli juru t-temperaturi reali. Nofs il-ġimgħa se jġib miegħu bidla oħra. L-Erbgħa t-temp mistenni jkun ftit imsaħħab, iżda sal-Ħamis – Jum San Ġużepp – jistgħu jinżlu kurrenti kesħin u riħ qawwi mill-Majjistral.



Matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis jista’ wkoll jinżel ftit xita, iżda aktar tard fil-ġurnata l-kundizzjonijiet għandhom jibdew jitjiebu u t-temp jibbilanċja, għalkemm jibqa’ kiesaħ u bir-riħ. Wara diversi jiem ta’ temp instabbli, lejn tmiem il-ġimgħa mistennija jaslu kundizzjonijiet aktar kalmi. It-temp għandu jsir bnazzi, għalkemm il-riħ jista’ jerġa’ jissaħħaħ xi ftit mix-Xlokk is-Sibt.

Matul il-ġimgħa, it-temperaturi massimi mistennija jvarjaw bejn 14°C u 17°C, li huma kemxejn anqas mill-medja normali għal dan il-perjodu tas-sena. It-temperaturi minimi se jkunu bejn 9°C u 13°C, iżda minħabba r-riħ jistgħu jinħassu aktar baxxi. Intant, it-temperatura tal-baħar bħalissa tinsab madwar 16°C.

Għalhekk, minkejja li resqin lejn l-ewwel jiem tar-rebbiegħa, jidher li l-ġimgħa se tibqa’ tħoss aktar bħal ġranet friski tax-xitwa, b’riħ u xita speċjalment fil-bidu tagħha.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI