L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex tesprimi t-tħassib profond tagħha wara l-kollass ta’ parti mis-saqaf tal-Batterija ta’ Qbajjar, fortifikazzjoni kostali mill-perjodu tal-Kavallieri li tinsab qrib Qolla l-Bajda, u li hija waħda minn tnejn biss li għadhom jeżistu f’Għawdex.
Għall-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex, dan l-inċident huwa tfakkira ċara tal-vulnerabbiltà tas-siti storiċi tagħna meta jitħallew jitmermru. Il-Batterija ta’ Qbajjar hija element insostitwibbli tal-wirt kostali ta’ Għawdex, u kull dewmien fil-manutenzjoni tagħha jżid ir-riskju ta’ aktar ħsara li tista’ tkun irriversibbli.
Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex qed tappella għal valutazzjoni strutturali urġenti biex jiġi determinat il-livell tal-ħsara, segwita minn xogħlijiet immedjati ta’ stabilizzazzjoni biex jiġi evitat aktar deterjorament. Barra minn hekk, l-iffinalizzar malajr tal-ftehim ta’ guardianship ma’ Din l-Art Ħelwa issa sar aktar urġenti minn qatt qabel.
Bħala gżira li hija impenjata biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità, kif imfisser fil-viżjoni Envision 2050, għandna wkoll ir-responsabbiltà li nħarsu s-siti storiċi tagħna. Dawn jiffurmaw parti intrinsika mill-offerta turistika u mill-identità kulturali ta’ Għawdex.
Il-batteriji storiċi ta’ Għawdex huma fost l-aħħar eżempji li fadal tad-difiżi kostali tal-bidu tas-seklu 18 f’Malta. Għandna d-dmir lejn il-ġenerazzjonijiet futuri li niżguraw li l-Batterija ta’ Qbajjar tiġi ppreservata u ma tintilifx.
Facebook / Gerald Fenech Covid19 news updates