Nhar il-Ħamis, 5 ta’ Frar 2026, fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Monsinjur Victor Grech, se jsir programm ta’ tifkira b’kollaborazzjoni bejn Caritas Malta, il-Parroċċa Tal-Ibraġ u l-Kunsill Lokali Tal-Ibraġ.
Il-programm jibda fil-08:00 b’quddiesa fil-Parroċċa Tal-Ibraġ, iċċelebrata mill-Kappillan Fr Brian Gialanzè, fil-ħin li għal bosta snin kien iqaddes Mons. Grech stess.
Wara l-quddiesa, issir mixja lejn Ġnien Monsinjur Victor Grech fis-Swieqi, fejn jitpoġġew fjuri quddiem il-bust tiegħu, li ġie inawgurat ftit xhur wara mewtu u huwa xogħol l-artist Indri Attard. Għal din l-attività se jattendu wkoll is-Sindku u l-kunsillieri tal-lokalità. Il-programm ikompli b’mument ta’ soċjalizzazzjoni u kafè fis-sala tal-Kunsill Lokali għal dawk li jkunu preżenti.

Aktar tard dakinhar, fis-18:30, tkun iċċelebrata quddiesa oħra minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija, flimkien ma’ Monsinjur Charles Cordina u Fr Paul Chetcuti SJ. Iċ-ċelebrazzjoni tkun animata mill-kantanti Nadine Axisa u Alwyn Borg Myatt, bis-sehem tal-organista Richard Caruana.
Fis-19:00 tibda adorazzjoni, li tinkludi riflessjonijiet rekordjati ta’ Dun Victor Grech, kif ukoll il-possibbiltà ta’ qrar u direzzjoni spiritwali.
Caritas Malta, flimkien mal-Parroċċa u l-Kunsill Lokali Tal-Ibraġ, jistiednu lill-pubbliku ġenerali, kif ukoll lill-istaff, il-voluntiera u l-persuni li matul is-snin irċevew servizz u sapport minn Caritas, sabiex jattendu għal din il-kommemorazzjoni b’tifkira ta’ Monsinjur Victor Grech.

Fl-aħħar nett, qed jitfakkar li l-ktieb INĦOBBKOM, li jiċċelebra l-ħajja u l-wirt ta’ Monsinjur Victor Grech, jista’ jinkiseb waqt dawn l-attivitajiet jew minn Agenda Bookshops f’Malta u Għawdex.