Ilbieraħ filgħaxija, f’atmosfera serena u riflessiva, infetħet uffiċjalment il-wirja “Pesah” ġewwa Ħaż-Żabbar, wara kunċert ta’ marċi funebri li attira numru sabiħ ta’ viżitaturi.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, flimkien mal-President Mario Aquilina tas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ Żabbar AD 1883, kienu preżenti għall-ftuħ ta’ din il-wirja li qed issir dejjem aktar popolari fil-kalendarju tal-lokalità.
Il-Pesah hija festa Lhudija li tfakkar il-ħelsien tal-poplu Lhudi mill-iskjavitù fl-Eġittu (l-Għid tal-Lhud). Għalina l-Maltin hija wirja simbolika u marbuta maż-żmien tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa u għalhekk saret parti mit-tradizzjonijiet tagħna f’dan iż-żmien.
F’messaġġ li qasam, is-Sindku enfasizza kif dawn l-attivitajiet saru parti integrali mill-ħajja kulturali u reliġjuża ta’ Ħaż-Żabbar. Huwa spjega li l-wirja “Pesah” hija biss waħda minn sensiela ta’ inizjattivi li jsiru matul is-sena kollha, grazzi għal kollaborazzjoni kontinwa bejn is-soċjetà u l-Kunsill Lokali.
Apprezzament speċjali ngħata lis-Surmast, lill-mużiċisti kollha, u lill-voluntiera li ħadmu bla waqfien biex iħejju kollox b’dedikazzjoni kbira. B’mod partikolari, ġie nnutat ix-xogħol dettaljat fuq elementi tradizzjonali bħas-smied, ir-ross u l-fażola – parti essenzjali minn din il-wirja li tfakkar drawwiet marbuta ma’ dan iż-żmien tas-sena.
Is-Sindku temm billi ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur din il-wirja u jesperjenza mill-qrib il-valur kulturali u storiku tagħha.
Facebook/