Erba’ personaġġi li għamlu u għadhom jagħmlu ġieħ lil pajjiżna bil-kapaċitajiet u t-talenti tagħhom! Għarafthom?
Fil-fatt f’dan ir-ritratt t’hawn taħt jidhru wħud mill-imħuħ wara l-magażin popolari Sagħtar. Ħadmu fuq li ħadmu biex din ir-rivista tant magħrufa tasal għandna biex ingawdu qari bil-Malti kif għandu jkun! Xeħet dan ir-ritratt il-lettur, kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Kommunikazzjoni ġol-Università, awtur u illustratur bravissimu Profs Ġorġ Mallia.
Profs Mallia jsemmi li dan hu ritratt li kien jaf bih imma jidher li llum sabu u xtaq ifakkar dak li bena flimkien ma’ sħabu li hemm ħdejh Richard Vella Laurenti, Trevor Zahra u l-mibki Oliver Friggieri. Profs Mallia jsemmi l-imħabba li kellu Profs Friggieri għal rivista bħal din. “L-imħabba ta’ Oliver għar-rivista qatt ma naqset u lanqas it-twemmin tiegħu fil-ġid li għamlet. Fl-aqwa perjodu tagħha kien qed jirnexxielna nistampaw ‘il fuq minn 17,000 kopja fix-xahar. Memorji sbieħ!”
Minn qalbna nifirħu lil dawn l-erba’ ġganti li jagħmlu unur lil pajjiżna! Żgur li din hi rivista li ħalliet impatt pożittiv fuqna l-qarrejja! Grazzi!