Leah Shutkever hija competitive eater professjonali fejn riċentament kienet Malta u kissret rekord dinji tal-aktar pastizzi mikula fejn kielet madwar 27 pastizz. Quddiema kellha turtiera b’30 pastizz fejn pruvat li tiekolhom kollha, iżda fl-aħħar tal-filmat kien għad fadal 3 pastizzi. Kielet taħlita ta’ pastizzi tal-irkotta u tat-tiġieġ, fejn faħret ukoll it-togħma tajba tagħhom.
Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The Malta Records tkellmu dwar din l-isfida. Huma qalu, “Kull min hu midħla tar-rekords dinjin li għandhom x'jaqsmu mal-ikel, żgur li ġieli ra rekords imwettqa minn Leah Shutkever. Is-sbuħija ta' Malta serqet l-attenzjoni ta' Leah u matul din il-ġimgħa kienet fostna sabiex tagħmel sfida b'ikel tradizzjonali Malti. Leah marret f'ħanut tal-pastizzi u kielet kważi turtiera pastizzi, 27 pastizz jekk m'aħniex sejrin żball.”
Żiedu, “Filwaqt li nagħmluha ċara li aħna bħala The Malta Records ma kellniex x'naqsmu ma' din l-isfida, tajjeb li naraw min kapaċi jisfida lil din il-wikkiela. Għax ngħiduha kif inhi, taċ-ċajt aħna minn żokort ommna nieklu l-pastizzi u tiġi din il-barranija toħodilna r-rekord. Nistiedmu lil kull min hu interessat jagħmel sfida ta' kemm kapaċi jiekol pastizzi sabiex jikkuntattjana.”