Il-Milied wasal b’mod speċjali ġewwa Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC) hekk kif żewġ individwi kreattivi u bravi, Warren u Clayton, ħolqu siġra tal-Milied straordinarja li immedjatament ġibdet l-attenzjoni ta’ kulħadd. Il-kreattività tagħhom mhux biss ġabet dawl u ferħ fost il-pazjenti, iżda kienet ukoll akkumpanjata b’ġest ta’ solidarjetà li mess il-qlub.
Warren u Clayton ippreżentaw donazzjoni ġeneruża ta’ €650 lill-Puttinu Cares – fondazzjoni li tipprovdi appoġġ essenzjali lill-familji u t-tfal li qed jiġu affaċċjati sfidi relatati mal-mard. Din id-donazzjoni saret bħala parti mill-inizjattiva tagħhom li jagħmlu differenza konkreta matul dan iż-żmien tal-Milied.
Filwaqt li Puttinu rringazzja mill-qalb l-inizjattiva ta’ Warren u Clayton li bla dubju se tagħmel differenza matul dan l-istaġun festiv, urew ukoll il-gratitudni tagħhom lejn is-sapport ġeneruż mingħand Maya Modern Art u The Cosy Shop – żewġ entitajiet li għenu sabiex dan kollu jkun possibbli. Il-kollaborazzjoni tagħhom kompliet turi kemm il-komunità Maltija taf tingħaqad b’qalb waħda b’mod speċjali f’ dan l-istaġun.
Puttinu Cares għalaq il-messaġġ tiegħu fejn sostna li l-kreattivtà u l-ġenerożita ta’ dawn l-individwi tassew ġabu l-ispirtu tal-Milied ħaj ġewwa SAMOC u għalhekk esprimew l-ikbar ringrazzjament tagħhom.