Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara qed jerġa’ jorganizza l-attività tant mistennija Festa Ħelu, li se tittella’ nhar il-Ħadd 12 ta’ April, ġurnata ddedikata għall-familja kollha, b’enfasi speċjali fuq it-tfal.

Matul din l-attività, il-viżitaturi jistgħu jgawdu varjetà ta’ ħelu u ħlewwiet, flimkien ma’ logħob u attrazzjonijiet għat-tfal, fosthom rock-climbing.
Dawn l-attivitajiet kollha se jkunu kompletament b’xejn, biex it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu u jiddevertu mingħajr limitu, filwaqt li l-ġenituri jgawdu atmosfera rilassata u ferrieħa.
Apparti l-logħob, Festa Ħelu se tkun animata b’divertiment mużikali, wirjiet ta’ maġija u anke d-daqq tal-banda, li jkomplu jagħtu ħajja lill-avveniment.
Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, sostna li din l-inizjattiva hija possibbli grazzi għal fondi addizzjonali miksuba mill-Kunsill, u saħaq li l-għan huwa li tingħata attività b’xejn lill-komunità u lill-pubbliku ġenerali.
Huwa ħeġġeġ mhux biss lir-residenti tal-Kalkara iżda wkoll lill-pubbliku kollu biex iżuru r-raħal u jqattgħu ġurnata sabiħa fih. Huwa semma wkoll li żjara fil-Kalkara tista’ tinkludi attrazzjonijiet oħra bħal Esplora, li wkoll se jkollu attivitajiet relatati mal-perjodu tal-Għid.
L-edizzjoni ta’ din is-sena, il-ħames waħda, se ssir fi Pjazza Sagra Familja u l-madwar bejn l-10:00 u l-16:00. Id-dħul huwa b’xejn, filwaqt li l-viżitaturi jistgħu jixtru ħelu, ikel u xorb fuq il-post.

Fost l-attivitajiet ewlenin hemm ukoll egg hunt għall-ħin tal-11:30, li għaliha t-tfal jistgħu jirreġistraw b’xejn online. Festa Ħelu qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara bl-appoġġ tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.