Organizzazzjoni prestiġjuża fil-qasam tal-pageantry f’Malta, Miss Malta Organization, ħabbret kapitlu ġdid u eċċitanti hekk kif qed tintroduċi titlu ġdid fil-portafoll tagħha, Mrs Universe Malta.
Din il-kategorija l-ġdida se tkun immirata speċifikament għal nisa miżżewġa li jixtiequ jidħlu fid-dinja tal-pageantry, filwaqt li jesprimu l-eleganza, il-kunfidenza u l-esperjenza tal-ħajja tagħhom. Skont l-organizzazzjoni, din mhix biss kompetizzjoni oħra, iżda pjattaforma ta’ tkabbir personali fejn in-nisa jistgħu juru l-potenzjal tagħhom kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
L-introduzzjoni ta’ “Mrs Universe Malta” qed tiġi deskritta bħala ċelebrazzjoni tal-mara, tas-saħħa, tal-kisbiet u tal-vjaġġ personali tagħha. Opportunità li tagħti spazju lil dawk li jixtiequ jagħmlu pass ’il quddiem u jkomplu jispiraw lil oħrajn.
Ir-rebbieħa ta’ dan it-titlu se jkollha l-opportunità unika li tirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali waqt Mrs Universe, fejn se tgawdi esperjenza ta’ ġimgħa barra minn Malta flimkien ma’ nisa minn madwar id-dinja, filwaqt li tkun qed tippromwovi l-ispirtu Malti fuq pjattaforma globali.
L-applikazzjonijiet issa huma uffiċjalment miftuħa għal dawk interessati, b’dawk li jixtiequ jipparteċipaw mistiedna japplikaw online. Il-kompetizzjoni nazzjonali se ssir fis-6 ta’ Settembru ġewwa Hilton Malta, lejla li mistennija tkun waħda mimlija eleganza u emozzjoni.
Messaġġ ċar mill-organizzazzjoni: wasal iż-żmien biex aktar nisa jagħmlu pass ’il quddiem, jemmnu fihom infushom u jħaddnu l-kuruna tagħhom.
Facebook / Miss Malta