Fuq il-paġna Ftit Minn Kollox, in-narratriċi kitbet dwar esperjenza qarsa li kellha fejn tidħol l-imħabba.
Hi kitbet, “Tlaqt lill-għarus wara li b’mod inġust akkużani li ma kontx għadni nagħti kasu. Għaliex dak iż-żmien kont qed nieħu ħsieb lil xi ħadd li vera kellu bżonni. Qed nirreferi għan-nanna tiegħi. In-nanna Pawla tista’ tgħid kienet dik li rabbietni għax iż-żewġ ġenituri tiegħi kienu jaħdmu l-ġurnata kollha.”
Żiedet tgħid, “Is-sena l-oħra, saħħitha bdiet tmur lura f’daqqa. Rajtha għajjiena, kwieta, aktar imdejqa mis-soltu. Ħadtha għand it-tabib li mill-ewwel ordnalha tagħmel it-testijiet. Minn hemm bdew it-trattamenti u appuntamenti regolari l-isptar. Qalbi kienet tqila, beżgħana li se nitlifha. Ħadt ħsiebha kemm stajt, għamiltilha kumpanija, u rqadt magħha meta kien hemm bżonn. Kont nagħmel dan kollu mingħajr sforz, għax meta tkun tħobb lil xi ħadd, dawn l-affarijiet jiġuk naturali.”
Kompliet tikteb, “L-għarus tiegħi dak iż-żmien beda jiddejjaq. Qalli li kont qed niddedika “wisq ħin għal mara li diġà kienet għexet ħajjitha.” Li kelli niffoka fuqu, li kien l-għarus tiegħi, u l-affarijiet l-oħra kellhom jistennew. Saħansitra qalli li “ma kienx jagħmel sens” għalija nibqa’ mqajma l-lejl kollu nieħu ħsieb persuna “fuq l-għatba tal-qabar”.”
Qalet ukoll, “Meta n-nanna tiegħi spiċċat it-trattamenti u baqgħet f’kundizzjoni stabbli, għannaqtha sew miegħi. Bkejt, irringrazzjajt lil Alla, u dakinhar stess fhimt xi ħaġa: li dawk li jħobbu, ikunu hemm għal xulxin. Dawk li jħobbuk, jibqgħu miegħek. Dawk li ma jkunux iħobbuk, jakkużawk u jġibulek ħafna skużi. Filgħaxija ċempiltlu, ħadt nifs fil-fond sakemm wieġeb it-telefonata tiegħi, u bl-iżjed mod skjett għedtlu li kien spiċċa kollox bejnietna. Daħak bija, qalli li kont se ntemm relazzjoni għal “mara xiħa”, li jien kont “ridikola”. U filwaqt li żammejt kalma, weġibtu: “Mhux se nitilqek minħabba n-nanna. Iddeċidejt li nitilqek għax int ma kontx taf tirrispetta dak li hu l-aktar sagru għalija”.”
Temmet kliemha billi spjegat, “Ħafna jgħidu li jħobbu, iżda jibqgħu ma jifhmux xi tfisser l-imħabba. Nippreferi qalb umana, grata, li tifhem… milli mħabba egoista li dejjem titlob u qatt ma tagħti. Għax dak li tħobb, għandek tgħożżu miegħek. U jekk ma tgħożżux, illum jew għada titilfu. X’inhu l-punt li tibqa’ ma’ xi ħadd li ma jafx kif ikun hemm għalik meta l-aktar li jkollok bżonnu?”
Facebook / Ftit minn kollox