Ivan De Battista xtaq jgħaddi l-isbaħ xewqat lill-attur u kittieb ta’ esperjenza kbira Sandro Vella.
Fil-fatt Sandro jidher li laħaq l-40 hekk kif Ivan kitiblu li “dħalt fis-sezzjoni tal-erbgħinijiet miegħi”. Kemm Ivan u martu Simone m’għandhom xejn ħlief kliem ta’ tifħir għal dan il-proxxmu li jagħti ħafna minn ħinu biex ħaddieħor ikollu ħajja aħjar.
“Mhux se noqgħod nikteb eloġji, imma kulħadd jaf li inti persuna b’qalb kbira, li lest li tgħin lill-batut u toħroġ minn triqtek, biex bħas-Samaritan, tagħti l-appoġġ, il-faraġ u l-għajnuna tiegħek.” Fil-fatt Sandro jagħmel ħafna għall-proxxmu.
Din kienet sena speċjali għalih hekk kif fid-9 ta’ Frar li għadda, irċieva premju sorpriża minn Grupp Solidarjetà bħala rikonoxximent li ilu minn mindu kellu 17 -il sena, għal dawn l-aħħar 23 sena, jgħin lil dan il-grupp li ta’ kull sena joffri attivitajiet ta’ karità lejn nies bi bżonnijiet speċjali u l-familjari tagħhom.
Awguri mill-qalb Sandro – j’Alla jkollok dak li tixtieq qalbek!