Is-silta Bella ta’ AIDAN kompliet tispira bosta artisti lokali, u fl-aħħar jiem rajna tliet kantanti Maltin jiddeċiedu li jagħtu l-interpretazzjoni personali tagħhom ta’ din il-kanzunetta li tant ħalliet impatt.
L-ewwel wieħed li tella’ cover ta’ Bella kien Dan, li għażel li jaqsam il-verżjoni tiegħu qabel il-finali ta’ nhar is-Sibt li għadda. Il-prestazzjoni tiegħu ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna, hekk kif offriet verżjoni emozzjonali u intima tas-silta.
Interpretazzjoni kompletament differenti waslet mingħand Amelia Kalabic, li kisbet fama fl-aħħar staġun ta’ X Factor Malta. Amelia tat ħajja ġdida lil “Bella” permezz tal-vuċi mill-isbaħ tagħha, akkumpanjata mid-daqq tal-pjanu, u ħolqot atmosfera delikata u emozzjonanti li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku.
Verżjoni oħra li ma għaddietx inosservata kienet dik ta’ Gianluca Cilia, li wkoll irnexxielu jiġbed l-attenzjoni ta’ bosta bl-istil u l-interpretazzjoni tiegħu tas-silta fuq il-pjanu. Il-kantant li rrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tal-2017 impressjona bil-kbir ukoll.
Aħna ħsibna biex naqsmu dawn it-tliet verżjonijiet minn tliet kantanti differenti magħkom, biex tkunu tistgħu tgawdu l-varjetà ta’ talent u kreattività li teżisti fix-xena mużikali Maltija. Għidulna x’taħsbu u jekk għandkomx xi waħda minnhom favorita?
Facebook / Eurovision Song Malta