Fuq il-mezzi soċjali lbieraħ filgħaxija bdiet iddur l-aħbar li ħallewna żewġ persuni oħra li kienu pożittivi għall-Covid-19! Jidher li l-aħbar kienet vera għax kmieni dalgħodu, il-Ministeru tas-Saħħa għadda konferma ta’ dan.
L-ewwel każ kien raġel ta’ 63 sena, li ddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-12 ta’ Ottubru u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 dakinhar stess. Huwa miet aktar kmieni llum fl-isptar Mater Dei. Huwa kien ibati minn mard kroniku ieħor.
It-tieni każ kien ta’ anzjan ta’ 83 sena li ttestja pożittiv fl-1 ta’ Novembru. Huwa miet aktar kmieni llum fl-isptar Monte Carmeli fejn l-anzan kien residenti u baqa’ jingħata kura sal-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu.
It-tielet każ li għadu kif tħabbar ftit tal-ħin ilu huwa ta’ anzjan ta’ 75 sena li miet waqt li kien pożittiv bil-Covid-19. L-anzjan iddaħħal l-isptar Mater Dei fit-3 ta’ Novembru u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 l-għada, 4 ta’ Novembru. Huwa miet ilbieraħ mal-lejl. Huwa kien jbati minn mard kroniku ieħor.
Il-Ministeru għas-Saħħa jagħti l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjan u jappella biex kulħadd isegwi l-miżuri ta’ prevenzjoni, fosthom l-ilbies tal-maskra kullimkien, id-distanza soċjali u l-ħasil tal-idejn.