Is-16-il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza se ssir bejn is-16 u t-18 ta’ Lulju 2026, b’novità importanti hekk kif għall-ewwel darba l-avveniment se jittella’ fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) f’Ta’ Qali.
Il-maratona se tibda uffiċjalment il-Ħamis 16 ta’ Lulju fis-18:30 bil-preżenza tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u tintemm is-Sibt 18 ta’ Lulju fil-23:00.
Matul aktar minn 53 siegħa ta’ logħob kontinwu, 40 plejer magħżula wara sitt ġimgħat ta’ taħriġ se jiffurmaw ħames timijiet biex jilagħbu l-volleyball bla waqfien b’risq Id-Dar tal-Providenza. L-għan tal-maratona jibqa’ wieħed ċar, li jinġabru fondi biex id-Dar tkompli toffri servizzi residenzjali lill-115-il resident tagħha.
Waqt it-tnedija tal-avveniment, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, saħaq fuq l-importanza tal-appoġġ tal-pubbliku biex l-organizzazzjoni tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha. Huwa ddeskriva l-bidla lejn l-MFCC bħala pass importanti li jista’ jwassal għal aktar tkabbir u viżibilità għall-avveniment.

Min-naħa tiegħu, il-Bank of Valletta kkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn din l-inizjattiva. Iċ-Chief Operations Officer tal-Bank, Ernest Agius, qal li l-bank huwa kburi li jkompli jappoġġja avveniment li jippromwovi l-inklużjoni, id-dinjità u opportunitajiet aħjar għal persuni b’diżabilità.
Minbarra l-logħob tal-volleyball, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi programm ta’ divertiment għal kull familja. Lara & The Jukeboys se jiftħu l-programm il-Ħamis filgħaxija, Versatile Brass & Ensemble se jtellgħu spettaklu l-Ġimgħa, filwaqt li Spiteri Lucas Band se jagħlqu l-avveniment b’Classic Rock Night is-Sibt.
Din is-sena ġiet imnedija wkoll il-pjattaforma online sabihlitaghti.org, li se sservi bħala portal għal aġġornamenti, informazzjoni dwar il-kampanja u donazzjonijiet online. Il-pubbliku jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel in-numri dedikati, juża l-BOV Mobile Banking, PayPal jew jagħmel donazzjoni direttament permezz tas-sit elettroniku.
Il-pubbliku jista’ jappoġġja l-BOV Volleyball Marathon billi jċempel 5170 2012 (€15), 5180 2013 (€25), 5190 2070 (€50) jew 5130 2044 (€100). Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz tal-Pledge Line 2146 3686, bil-BOV Mobile fuq 7932 4834, online permezz tas-sit sabihlitaghti.org, jew direttament fil-kontijiet bankarji tad-Dar tal-Providenza.