Sfortunatament ħarġet l-aħbar li tifel żgħir ta’ tnax-il sena li ngidem minn kelb il-baħar fil-Port ta’ Sydney l-ġimgħa li għaddiet miet l-isptar.
Nico Antic ta’ tnax-il sena kien qed jaqbeż minn fuq xifer tal-blat ma’ ħbieb fit-18 ta’ Jannar meta ġie attakkat minn dak li l-awtoritajiet issuspettaw li kien kelb il-baħar tat-tip ‘bull shark’.
“B’qalbna maqsuma nħabbru li t-tifel tagħna, Nico, miet,” qalu l-ġenituri tiegħu Lorena u Juan fi stqarrija. L-inċident kien wieħed minn erba’ attakki ta’ klieb il-baħar irrappurtati tul il-kosta ta’ New South Wales fuq jumejn.
Il-ħbieb ta’ Nico ġew imfaħħra għall-kuraġġ tagħhom wara li qabżu fl-ilma biex jgħinuh wara li ġie attakkat il-Ħadd wara nofsinhar li għadda.