Skont aġġornament maħruġ mill-paġna lokali Mid-Djarju Tat-Timba, twissija ta’ riħ qawwi mill-Punent Majjistru, Forza 8, għadha fis-seħħ għal għada, il-Ħamis. L-awtoritajiet u s-segwaċi tal-paġna qed jappellaw biex kulħadd jibqa’ attent u jsegwi l-pariri mogħtija, sabiex jiġi evitat kull periklu jew inċident.
Il-paġna enfasizzat li, jekk ikun hemm xi tibdil fl-intensità tar-riħ, kemm jekk jiżdied jew jonqos, il-pubbliku jiġi infurmat immedjatament. “Mhux se nħallukom fl-għama,” qal l-amministratur, filwaqt li appella biex il-pariri jinżammu f’moħħhom biex ħadd ma jweġġa’.
F’każ ta’ emerġenza, in-numru tal-Protezzjoni Ċivili huwa 2393 0000, filwaqt li n-numru 112 jista’ jintuża biex wieħed jikkuntattja lill-Pulizija, li mbagħad jgħaqqdu lil min iċempel mas-servizzi meħtieġa.
Illum it-temp mistenni jkun ġeneralment sabiħ, għalkemm filgħodu jista’ jkun hemm livell ta’ umdità u nida’, speċjalment f’żoni kennija. Jista’ jkun hemm ftit sħab f’xi ħinijiet, iżda mhux mistennija xita matul il-jum.
Matul il-lejl, speċjalment wara nofsillejl, mistenni jiżdied is-sħab, u kmieni filgħodu hemm ċans li jkollna xi raxxa xita. Għada, iċ-ċans ta’ xita jiżdied b’mod aktar sinifikanti matul il-ġurnata, filwaqt li t-temperaturi mistennija jonqsu u t-temp jiksah.
Ir-riħ minn għada jdur mill-Punent u jibda jissaħħaħ, b’Forza 5 sa 6 sa filgħaxija. Kull żvilupp ieħor dwar it-temp jew it-twissijiet se jkun ikkomunikat biex il-pubbliku jkun jista’ jew jistrieħ jew jipprepara ruħu skont is-sitwazzjoni.
Is-segwaċi huma mħeġġa jibqgħu jsegwu l-aġġornamenti u jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.