Il-Ministeru għas-Saħħa għadu kif informa lill-midja lokali li żewġ anzjani mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.
L-ewwel każ hu ta’ anzjan ta’ 86 sena, li ddaħħal l-Isptar Mater Dei fl-1 ta’ Novembru u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 dakinhar stess miet aktar kmieni llum f’Mater Dei. Dan hu l-ġiżwita li ħabbarna aktar kmieni.
It-tieni każ hu dak ta’ anzjan ta’ 87 sena li ddaħħal l-Isptar Mater Dei fl-1 ta’ Novembru u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 l-għada, 2 ta’ Novembru li wkoll miet aktar kmieni llum. Fiż-żewġ każijiet, l-anzjani kienu jbatu minn mard kroniku ieħor.
Il-Ministeru għas-Saħħa jagħti l-kondoljanzi lill-familjari u jibqa’ jappella biex il-poplu jkun prudenti u jobdi l-miżuri ta’ prevenzjoni. L-ilbies tal-maskra u d-distanza soċjali huma fundamentali biex nipproteġu lill-vulnerabbli.