Il-fotografa lokali Lorella Castillo qasmet riflessjoni qawwija dwar il-proċess kreattiv wara s-sett fotografiku uffiċjali tal-Malta Eurovision Song Contest, proġett li, skont kliemha, ta opportunità rari, libertà kreattiva sħiħa, mingħajr formuli jew regoli prestabbiliti.
Castillo spjegat kif iddisinjat u bniet is-sett mill-bidu nett – spazju minimalista u skulturali magħmul minn drapp, dawl u dell. L-għan kien li jinħoloq ambjent imneżża’ minn kull distrazzjoni, li ma “jagħti xejn” ħlief dak li l-artist innifsu jġib miegħu. B’dan il-mod, il-fokus waqa’ kompletament fuq il-preżenza, l-attitudni u l-enerġija ta’ kull parteċipant.
F’dan l-ispazju, Lorella ħadet ir-ritratti tat-18-il kontestant kif ukoll il-preżentaturi, u ħalliet lil kull wieħed jesprimi ruħu b’mod awtentiku. Ir-riżultat hu xogħol viżiv li jispikka għas-sempliċità kuraġġuża tiegħu u għall-mod kif iħalli lill-artisti “jitkellmu” huma stess, mingħajr ma jiġu mgħottija minn estetika żejda jew konvenzjonijiet tas-soltu.
Hi rringrazzjat b’mod speċjali lil PBS u lil Sour Punch talli fdawha b’dan il-proġett, kif ukoll lil Malcolm Camilleri għall-għajnuna prattika fit-twettiq tas-sett. Hija esprimiet ukoll l-apprezzament tagħha lejn kull artist li daħal f’dan l-ispazju u ta lilu nnifsu kompletament għall-proċess kreattiv, u b’hekk għamel ix-xogħol dak li hu.
“Li nkunu differenti kien l-għan,” tgħid Castillo, u ma taħbix il-kburija tagħha bir-riżultat finali. Dik id-differenza tidher ċara f’estetika li tmur kontra l-kurrent u li tkompli tikkonferma kemm il-kreattività Maltija tista’ tkun kuraġġuża meta tingħata l-fiduċja u l-libertà meħtieġa.
Instagram / Lorella Castillo