“Wara Ħafna Ħsieb U B’Qalbna Sewda, Ħadna D-Deċiżjoni Diffiċli Li Nagħlqu Ta’ Belindu Wine Bar & Restaurant.” – Roderick Cauchi

Roderick Cauchi

Roderick Cauchi, li konna rajnieh waqt MasterChef Malta, ħabbar li r-ristorant tiegħu Ta’ Belindu Wine Bar & Restaurant se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu wara deċiżjoni diffiċli meħuda wara ħafna ħsieb.

F’messaġġ emozzjonanti, Cauchi spjega li d-deċiżjoni ma kinitx faċli, iżda kienet inevitabbli minħabba s-sitwazzjoni li qed tiffaċċja l-industrija.

b’mod partikolari n-nuqqas serju ta’ ħaddiema. Huwa spjega li kuljum kienu jaffaċċjaw inċertezza dwar jekk l-impjegati kinux se jattendu għax-xogħol jew le, sitwazzjoni li ma setgħetx tkompli tgħaddi mingħajr ma taffettwa l-operat tan-negozju.

Cauchi sostna li s-settur tal-ospitalità huwa wieħed mill-aktar setturi importanti u maħbuba, fejn ħafna nies imorru biex jirrilassaw u jqattgħu ħin sabiħ mal-familja u l-ħbieb. Madankollu, qal li hija ħasra kbira li jaraw industrija tant sabiħa taffaċċja dawn id-diffikultajiet, filwaqt li esprima t-tama li dawk responsabbli jagħrfu l-problema u joffru aktar appoġġ lis-settur.

Minkejja kollox, Cauchi rringrazzja lil dawk kollha li appoġġjaw ir-ristorant tul is-snin, b’mod speċjali lill-klijenti li, kif qal hu, kienu s-sinsla tan-negozju.

Huwa esprima wkoll kburija kbira li r-ristorant żamm reputazzjoni eċċellenti sa mill-ewwel jum tal-ftuħ tiegħu. Fil-fatt, qal li “mill-ewwel jum li ftaħna sal-aħħar jum, żammejna klassifikazzjoni ta’ 5 stilel. Sal-aħħar jum tal-operat tagħna qatt ma rċevejna ilment.

Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Cauchi rringrazzja lil kulħadd tal-memorji u l-mumenti sbieħ li qasmu flimkien, filwaqt li qal li issa jħares ’il quddiem biex jara x’se jġib il-futur.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI