Fuq il-mezzi soċjali il-kantanta Ira Losco fetħet qalbha dwar l-isfidi li ltaqgħet magħhom l-ewwel darba li saret omm, iżda faħħret ukoll kemm għallimha dan il-vjaġġ.
Hi kitbet, “Wara Harry, sibtha diffiċli biex nidħol fl-irwol ġdid ta’ omm. Kienet diffiċli biex ma nibqax inħossni ħielsa. Sibtha diffiċli biex naċċetta l-fatt li dan il-bniedem żgħir issa kien dipendenti fuqi u li dik l-imġiba ta’ responsabbiltà li spiss kienu jsaqsuni dwarha waqt intervisti matul is-snin tal-karriera tiegħi, issa kien se jkollha iżjed effett importanti.”
Kompliet tispjega, “Bit-twelid ta’ Gigi f’daqqa waħda l’affarijiet inbidlu u qisu kollox waqa’ f’postu. Qisu fl-aħħar aċċettajt li jista’ jkolli kemm irrid irwoli importanti u differenti, l-aqwa li nibqa’ onesta miegħi nnifsi. L-aqwa li nibqa’ b’saħħti kemm f’ġismi u kemm f’moħħi.”
Hi spiċċat kliemha billi enfasizzat li ħadd mhu perfett u kollha għadna qed nitgħallmu iżda hi fil-ħajja tgħallmet li vjaġġ wieħed jista’ jkollu ħafna esperjenzi u rwoli ġodda li jnibbtu fik diversi emozzjonijiet differenti.
Facebook / Ira Losco