Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, s-Sindku tan-Nadur Edward Said qasam messaġġ rigward l-aħħar grupp ta’ studenti li se jiggradwaw mill-iskola tas-sorijiet Franġiskani, hekk kif ser taqgħlaq il-bibien tagħha.
Hu qal, “Ilbieraħ il-Kinder 2 tal-Iskola tas-Sorijiet Frangiskani tan-Nadur iċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom – mument speċjali mimli b’ferħ u emozzjoni kbira! Ferħ għax rajna l-uċuħ ċkejknin mimlijin b’ħolm, entużjażmu u tbissima waqt li qegħdin jagħlqu kapitlu importanti fil-ħajja tagħhom. Kburin bihom, u b’dak li kisbu flimkien mal-edukaturi u l-ġenituri tagħhom.”
Kompla billi żied, “Imma dieqa wkoll, għax dan kien l-aħħar grupp li se jgħaddi mill-bibien ta’ din l-iskola maħbuba. Wara snin twal ta’ servizz, dedikazzjoni u mħabba lejn it-tfal u l-komunità, l-Iskola tas-Sorijiet Frangiskani se tagħlaq il-bibien tagħha.”
Qal ukoll, “Grazzi mill-qalb lil kull soru, għalliem u membru tal-istaff li tul is-snin ħallew marka li tibqa’ għal dejjem fil-qlub tagħna. L-iskola ħalliet wirt kbir – mhux biss fl-edukazzjoni imma wkoll fil-valuri, f’soċjetà ta’ rispett, f’għożża lejn xulxin u f’fidi soda. L-aħħar gradwazzjoni … imma t-tifkiriet jibqgħu ħajjin għal dejjem.”