Bħalissa għaddejja tfittxija intensiva għal tifla ta’ tlettax -il sena, li sfortunatament sfat vittma tal-maltemp qawwi li għandna bħalissa fil-gżejjer tagħna. Il-paġna tal-pulizija ta’ Malta ppubblikaw messaġġ li jispjega xi ftit xinhu jiġri bħalissa. Appellaw ukoll biex in-naħat taċ-Ċirkewwa jiġu evitati sakemm tkompli għaddejja t-tfittxija.
Spjegaw, “Il-pulizija ta’ Malta ilhom mill-bieraħ jassistu l-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-protezzjoni ċivili fit-tfittxija tat-tifla ta’ tlettax -il sena li nġibdet mal-mewġ ilbieraħ filgħaxija fiċ-Ċirkewwa. Minkejja l-kundizzjonijiet tat-temp, dalgħodu l-pulizija ta’ Malta wkoll bagħtu RHIB biex jappoġġja t-tfittxija. Waranofsinhar, il-pulizija sabu ġakketta li wara ġiet ikkonfermata li hi tat-tifla.”
Qalu wkoll, “Il-pulizija ta’ Malta qegħdin ukoll jipprovdu assistenza permezz tal-Police Support Response Team li qed joffri s-sapport neċessarju lill-familja tat-tifla matul dan iż-żmien diffiċli. Waqt li sinċerament nirringrazzjaw lill-pubbliku talli jifhmuna u japprezzaw ix-xogħol tagħna, nitolbukom tevitaw dawn l-inħawi għas-sigurta`tagħkom u biex is-servizzi tal-emerġenza jkomplu jaħdmu b’mod effettiv.”
Facebook / The Malta Police Force