Waħda minn kull 10 persuni madwar id-dinja setgħet kellha l-Covid-19, qalet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, f’laqgħa speċjali tal-mexxejja tal-WHO. Uffiċjal għoli qal li l-istima tfisser “il-maġġoranza kbira tad-dinja tibqa’ f’riskju”.
Ftit iktar minn 35 miljun persuna ġew ikkonfermati bħala infettati bil-Coronavirus – l-istima tal-WHO tpoġġi l-figura vera aktar viċin it-800 miljun.
L-esperti ilhom jgħidu li n-numru reali ta’ każijiet jaqbeż dawk ikkonfermati. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tiltaqa’ fil-kwartieri ġenerali tagħha f’Ġinevra, l-Isvizzera, biex tiddiskuti r-rispons globali għall-pandemija.
Għaxar xhur wara, il-kriżi ma turi l-ebda sinjal li tintemm. Diversi pajjiżi qed jesperjenzaw it-tieni mewġa wara li taffew ir-restrizzjonijiet u f’xi każijiet in-numri huma saħansitra ogħla.
Id-Direttur Ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus qal, “Għalkemm il-pajjiżi kollha ġew affettwati minn dan il-virus, irridu niftakru li din hija pandemija irregolari. Għaxar pajjiżi jammontaw għal 70% tal-każijiet u l-imwiet kollha rrappurtati u tliet pajjiżi biss jammontaw għal nofs,” huwa qal.