“Wisq Ferħana Li Għandi Xufiera Mara, Grazzi Tas-Servizz Tiegħek” – Anastacia Lix-Xufiera Iness

Aħna ta’ Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nitkellmu ma’ Iness Khedri. Iness kienet ix-xufiera Maltija li ħadet ħsieb lill-kantanta ta’ fama mondjali Anastacia li kienet f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Iness tgħidilna li din kienet l-ewwel darba li kienet qed issuq lil xi ħadd famuż, “ikollok ħafna eċitament imma kont preparata ħafna għaliha.” Hi tispjegalna li din l-opportunità ġiet grazzi għall-fatt li l-kumpanija li taħdem magħha tkellmu mal-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq biex jieħdu ħsieb il-kunċerti kollha. Iness tgħidilna, “ingħatajna l-fiduċja u ta’ dan nirringrazzjawhom li afdawna b’dan kollu.”

Iness tistqarr li l-kliem magħha kien limitat anke minħabba l-professjonalità tax-xogħol tagħha iżda dakinhar tal-kunċert hi awguratilha li jkollha prestazzjoni mill-isbaħ u Anastacia bl-umiltà kollha tagħha daret fuqha u qaltilha li tinsab ferħana li għandha xufiera mara u rringrazzjata tas-servizz tagħha.

Hi tgħidilna li Anastacia għoġbitha mmens l-atmosfera tan-nies. Hi tgħidilna li l-unika ritratti li ħadet kienu l-ajruport qabel ma telqet għax dejjem riedet tkun lesta biex jekk ikun hemm bżonn isuq lil Anastacia, iżda mill-ftit kuntatt li kellha magħha tidher persuna dħulija u orrajt ħafna.

“L-iktar ħaġa li ħa nibqa’ ngħodd min din l-esperjenza hija t-tgħanniqa li tatni qabel ma telqet lura pajjiżha,” ittemm tgħid Iness. Hi tirringrazzja lil Silvio Baldacchino għat-tmexxija, lil Anthony u Joseph Fenech f’isem il-kumpanija li taħdem magħha, u lil Frankie u lil Doris Spiteri mill-Għaqda San Ġużepp Ħal Għaxaq.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI