Fadal ftit jiem biss biex nerġgħu ngħixu l-emozzjonijiet fuq il-palk ta’ X Factor Malta, hekk kif mill-11 ta’ Jannar jibda jixxandar il-ħames staġun tant mistenni, X Factor Malta: Back To Win.
Dan l-istaġun se jkun wieħed speċjali ferm, hekk kif kien miftuħ esklussivament għal parteċipanti li diġà ħadu sehem fi staġuni preċedenti. Parteċipanti li se jerġgħu jitilgħu fuq il-palk bil-għan li jimpressjonaw lill-ġurija u jipprovaw jagħmlu l-pass finali lejn ir-rebħ tal-ħames staġun ta’ dan l-ispettaklu popolari.
Il-ġurija għal dan l-istaġun se tkun magħmula minn Howard Keith, Amber, Philippa u Aleandro, li se jkunu qed joffru l-ġudizzju u l-gwida tagħhom lil dawn il-parteċipanti li issa għandhom aktar esperjenza u determinazzjoni minn qatt qabel.
L-ispettaklu se jerġa’ jkun immexxi minn Gianni, li wara s-suċċess tal-aħħar staġun, se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà li jmexxi din l-edizzjoni mimlija sorpriżi u talent.
B’kunċett kemxejn differenti iżda b’uċuħ familjari, X Factor Malta: Back To Win iwiegħed staġun mimli emozzjonijiet, kompetizzjoni b’saħħitha u wirjiet li żgur se jħallu l-marka tagħhom. Issa ma fadalx ħlief li nistennew il-11 ta’ Jannar biex naraw min se jirnexxielu jerġa’ jiddi fuq il-palk u finalment jirbaħ it-titlu tant mixtieq.
Facebook / X Factor Malta