Il-programm popolari tal-Ġimgħa filgħaxija, “Serataron’ kiseb popolarità kbira tant li ġie l-ewwel fl-istħarriġ pubbliku mill-broadcasting authority. Madanakollu jidher li minn Ottubru, Serataron mhux ser ikompli. Għaliex?
Sors qrib fil-PBS jikkonfermalna li dan il-programm ġie magħżul biex ikompli għat-tieni staġun, iżda minħabba diżgwit fil-produzzjoni issejħet laqgħa b’urġenza bejn il-persuni kkonċernati. Liema laqgħa saret mill-PBS sabiex jinstab qbil.
Dan is-sors qal lil Gwida.mt li saru diversi tentattivi sabiex Serataron ikompli, madanakollu ma nstabitx soluzzjoni. B’hekk ittieħdet deċiżjoni li dan il-programm ma jitkomplix iżda jinħoloq programm ġdid. Il-programm il-ġdid ser ikun preżentat minn Ron Briffa u Ray Calleja u ser ikun produzzjoni ta’ Television Malta taħt id-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar. M’għandniex xi ngħidu, għandna nistennew l-aħjar tip ta’ kontenut b’dawn it-3 imħuħ ċelebri fil-midja.
Ħerqanin biex naraw x’ser joffru! Ċertament li nhar ta’ Ġimgħa ser jibqa’ spazju biex wieħed jibqa’ ġewwa d-dar, jidħaq daħka u jieħu pjaċir fil-kumpanija ta’ Ron u Ray!