Ilbieraħ ġie mħabbar li l-Karnival tas-Sajf ta’ din is-sena mhux ħa jkun qed isir minħabba l-miżuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa rigward attivitajiet tal-massa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala spjegat, “Minħabba l-miżuri li ttieħdu fuq l-avvenimenti tal-massa, Festivals Malta ħass li l-avventiment tal-Karnival tas-Sajf m’għandux isir bħala prekawzjoni, biex mhux biss nissalvagwardjaw is-saħħa tal-impjegati, l-artisti, l-parteċipanti tal-karnival u l-krew tekniku tagħna, iżda ukoll dik tal-udjenzi tagħna. F’isem Festivals Malta nixtieq nirringrazzja lill-artisti, l-parteċipanti u lil dawk kollha involuti tax-xogħol tagħhom u tal-kooperazzjoni li dejjem urew.”
Minkejja li din l-attività ġiet ikkanċellata, Festivals Malta qed jaħdem fuq diversi proġetti, li jinkludu Mużika Mużika Sajf u l-programm televiżiv il-ġdid Mużika Mużika Il-Vjaġġ Ikompli, fost oħrajn.
Għal aktar informazzjoni fuq l-avvenimenti organizzati minn Festivals Malta, idħol fuq is-sit elettroniku www.festivals.mt. Aħna ninsabu ħerqana biex naraw x’qed iħejju għalina!