Il-pulizija flimkien mal-għaqda Committee Against Bird Slaughter (CABS) wettqu operazzjoni intensiva kontra l-kaċċa u l-qbid illegali tal-għasafar, li wasslet biex 13-il persuna nqabdu fil-fatt u għadd kbir ta’ għasafar ġew salvati.
Skont stqarrija maħruġa minn CABS, fl-aħħar 10 ijiem ġew irrappurtati diversi każijiet ta’ qbid illegali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. B’kollox, 11-il persuna nqabdu mill-uffiċjali tal-EPU f’Malta, filwaqt li żewġ persuni oħra ġew arrestati mill-Pulizija f’Għawdex.

Matul dawn l-operazzjonijiet, ġew ikkonfiskati 20 sett ta’ clap-nets kif ukoll 56 għasfur ħaj u tlieta mejta. Il-biċċa l-kbira tal-għasafar salvati, fosthom ċafċafa, verduni, linotti u siskini, ittieħdu għand il-veterinarju tal-gvern u mistennija jiġu rilaxxati lura fin-natura fil-jiem li ġejjin.
Madankollu, każ partikolari li ħasad lil ħafna kien dak ta’ raġel f’Għawdex li nqabad fuq filmat waqt li qabad u qatel b’mod brutali Spanjulett, speċi protetta ta’ falkun. Il-filmat juri lir-raġel jiġri lejn l-għasfur maqbud u jgħaffġu taħt siequ sakemm miet, qabel ma tefgħu ġo arbuxxell bħala skart.

Il-kelliema ta’ CABS iddeskrivew dan il-filmat bħala wieħed diffiċli biex wieħed jarah, u bħala eżempju ċar tan-nuqqas ta’ empatija li, skonthom, jeżisti fost xi wħud li jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet illegali. Fil-video jidher ukoll kif ir-raġel ipprova jaħbi evidenza u jfixkel lill-pulizija meta rrealizza li kienu ġejjin għalih.
L-Ispanjulett huwa protett bl-ogħla livell taħt il-liġi Maltija, hekk kif jinsab elenkat fl-Iskeda I tar-regolamenti dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Din l-ispeċi, li darba kienet sparixxiet minn Malta, reġgħet bdiet tidher f’dawn l-aħħar snin b’xi koppji jbejtu b’mod irregolari.

Axel Hirschfeld, uffiċjal ta’ CABS, faħħar il-ħidma tal-pulizija u r-rispons rapidu tagħhom, filwaqt li Fiona Burrows esprimiet fiduċja li l-każijiet kollha rrappurtati se jaslu quddiem il-qorti fix-xhur li ġejjin.
Minkejja dan, CABS ikkritikat bil-qawwa lill-Gvern Malti, u akkużatu b’indifferenza li ilha snin twal lejn il-problema tat-trattament ħażin tal-annimali u s-suq illegali tal-għasafar. L-għaqda qed titlob biex jitwaqqfu immedjatament id-derogi kollha relatati mat-trappjar, li skonthom qed jintużaw bħala kopertura għal attivitajiet illegali.
CABS ħabbret li t-timijiet tagħha se jibqgħu preżenti f’Malta u Għawdex sal-aħħar tal-istaġun tal-migrazzjoni tal-għasafar f’Mejju, sabiex ikomplu jissorveljaw u jirrappurtaw kull abbuż li jseħħ.