Illum 10 ta’ Marzu, jaħbat għeluq snin il-preżentatur u mużiċist bravissimu John Bundy, fejn jagħlaq 66 sena.
John huwa personalità maħbub immens u li għadu sal-lum joffri produzzjonijiet tant għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi.
Bosta jsegwu l-programm tiegħu Bundytime, li kull nhar ta’ Sibt bih qed iżomm kumpanija bi spirtu pożittiv lil tant persuni.
Lil John nafuh ukoll fil-qasam tal-mużika. Fost l-aħħar drabi meta rajnieh ikanta, kien tliet snin ilu waqt Mużika Mużika.
John kien ħa sehem waqt FKM 1995 bil-kanzunetta Din Għalikom (Il-Ħbieb Tiegħi) flimkien ma’ żewġt iħbieb kbar tiegħu, Tony Camilleri u l-mibki Enzo Gusman. Huma klassifikaw fl-ewwel post dakinhar b’din il-kanzunetta.
John kiteb kelmtejn f’għeluq sninu.
“Xi triq dik Bundy, triq twila, triq lixxa u triq li kultant titfaċċa fiha xi tumbata jew xi gandott. Triq imdawla u triq mudallma, imma fl-istess waqt ikkulurita. Triq li ġieli nħakmet minn sħana kbira ta’ rabja u minn tixrib bi dmugħ tan niket jew ta’ ferħ. Triq ta’ diżappunti u triq ta’ suċċessi. Din it-triq għaddejt minnha b’wiċċ il-ġid, b’rasi għolja, b’qalb kburija. Triq li fiha rċevejt l-imħabba, r-rispett u s-saħħa. Naf sew minn fejn tlaqt f’din it-triq, għalhekk irrid ngħid grazzi lil kull min mexa biċċa miegħi, għax dik il-biċċa mixja lili swietli ħafna. Ser nibqa miexi sakemm insib ix-xifer li jtemm it-triq.”
Awguri John!
Facebook/ John Bundy