Zagallo’s, take away u pizzeria magħruf sew qalb ir-Rabtin, se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu, u b’hekk jintemm kapitlu speċjali li ilu jħalli l-marka tiegħu fil-komunità għal bosta snin.
Għalkemm l-istorja ta’ Zagallo’s tmur lura sa fl-1982, il-pizzeria ilha mmexxija mill-familja Buhagiar sa mill-1997. Żgur li dawk midħla tal-post iltaqgħu mal-maħbub Frans, li għal ħafna sar wiċċ familjari u sinonimu mal-pizza ikonika tal-lokal.
Zagallo’s kien partikolarment qrib il-1st Rabat Scout Group, u kien preżenti f’diversi attivitajiet organizzati minnhom, fosthom camping trips u inizjattivi ta’ fundraising, fejn il-pizza tagħhom dejjem kienet parti mill-esperjenza.
Hekk kif il-pizzeria se tagħlaq il-bibien tagħha din il-ġimgħa, ġiet organizzata laqgħa finali fil-kwartieri tal-iscouts, fejn il-membri setgħu jgawdu l-pizza ta’ Zagallo’s għall-aħħar darba flimkien.
“Nixtiequ nieħdu din l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil Frans u lil Omar Buhagiar għall-għajnuna kollha tagħhom matul is-snin u nawgurawlilhom l-isbaħ xewqat għall-avventuri li ġejjin,” kitbu l-1st Rabat Scout Group f’messaġġ ta’ ringrazzjament.
Għal ħafna, l-għeluq ta’ Zagallo’s mhux biss ifisser telfa ta’ pizzeria, iżda wkoll ta’ tifkira sabiħa fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità Rabtin.
Facebook / Zagallo’s Take away & Pizzeria