Żgħażagħ Ta’ 16-il Sena ’L Fuq Se Jkunu Jistgħu Jiftħu Kumpanija B’Sistema Ġdida Regolata

Qed jiġi introdott qafas legali ġdid li se jagħti l-opportunità lil żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena biex jibdew il-kumpanija tagħhom permezz ta’ sistema regolata u responsabbli. Din l-inizjattiva, magħrufa bħala Intrapriża16, għandha l-għan li tiftaħ aktar bibien għal żgħażagħ li għandhom ideat u spirtu intraprenditorjali.



L-inizjattiva tħabbret waqt attività li saret fil-Kulleġġ Ġ. F. Abela Junior College, fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.



Bil-qafas legali l-ġdid, żgħażagħ se jkunu jistgħu jidħlu fid-dinja tan-negozju b’struttura ċara li tipprovdi gwida u protezzjoni. Is-sistema se tkun qed tiġi implimentata b’appoġġ minn diversi entitajiet, fosthom il-Malta Business Registry, Aġenzija Żgħażagħ u JA Malta.



L-għan tal-inizjattiva hu li ż-żgħażagħ jingħataw opportunità konkreta biex jibdlu l-ideat tagħhom f’realtà u fl-istess ħin jitgħallmu kif imexxu negozju b’mod responsabbli.

Parti mill-appoġġ se tinkludi wkoll taħriġ u gwida minn youth workers ta’ Aġenzija Żgħażagħ, li se jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet importanti għall-intraprenditorija. Fost dawn hemm ir-reżiljenza, il-ħsieb kreattiv, il-komunikazzjoni u l-litteriżmu finanzjarju.

Dan it-taħriġ għandu jgħin biex iż-żgħażagħ ikunu aktar ippreparati għar-realtajiet tad-dinja tan-negozju, inkluż il-mod kif jindirizzaw sfidi, jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jimmaniġġjaw ir-riskji.

L-inizjattiva hija miftuħa għaż-żgħażagħ kollha ta’ 16 u 17-il sena, irrispettivament mill-perkors edukattiv tagħhom. Dan ifisser li mhux biss studenti ta’ istituzzjonijiet partikolari jistgħu jibbenefikaw, iżda kull żagħżugħ jew żagħżugħa li għandha idea ta’ negozju.

Permezz ta’ Intrapriża16, qed jinħoloq ambjent fejn iż-żgħażagħ jistgħu jibdew il-vjaġġ intraprenditorjali tagħhom b’appoġġ professjonali u b’qafas legali li jiggarantixxi li kollox isir b’mod responsabbli u sigur.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI