Kellna ċ-ċans li nitkellmu ma’ Claire Apap dwar il-festi tal-Milied. Lil Claire ilna nsegwuha fuq il-midja soċjali għal ħafna snin fuq il-paġna Claire’s Curves, iżda matul l-2025, in-nies saru jafuha bil-wisq aktar mill-viċin waqt l-ewwel staġun ta’ Big Brother Malta.
F’din l-intervista ser nisimgħu anke xi jfisser għaliha ż-żmien tal-Milied u l-imħabba li għandha għalih. Araw x’qaltilna!
Xi jfisser għalik il-Milied, Claire?
Il-Milied huwa żmien ta’ paċi u ferħ li jgħaqqad il-familja u jtina opportunità nkunu grati għal dawk ta’ madwarna.

Tirrakkuntalna xi esperjenza, storja, jew forsi xi praspura li ġrat fi żmien il-Milied?
Darba morna għal party tal-Milied u l-persuna li kellu jilbes ta’ Father Christmas ma tfaċċax għax kien ma jiflaħx. Peress li r-raġel għandu għajnejh ċari u huwa bjond, staqsewh jekk jilbisx hu ta’ Father Christmas u spiċċa jilbes tiegħu għal xi tliet snin. Tant kienet toqgħodlu perfetta li lanqas it-tfal ma ndunaw li hu Father Christmas. U peress li kien jaf ħafna dettalji personali dwarhom, kienu ċerti li dan kien il- “Father Christmas ta’ vera”.
Xi ħaġa li għad tixtieq tagħmel għal żmien il-Milied?
Ftit snin ilu morna North Pole ġewwa Lapland, Finland fi żmien is-sajf. Verament nixtieq ikolli l-opportunità li nerġa’ mmur fi żmien il-Milied għax huwa post tassew maġiku!
Kif tqattagħha l-ġurnata tal-Milied normalment?
Meta kont żgħira, dejjem konna mmorru l-quddiesa f’xi l-ħdax ta’ filgħodu, imbagħad immorru għand in-nanna għall-ikla tal-Milied mal-kuġini u z-zijiet. Meta bdejt noħroġ mar-raġel, li huwa minn Għawdex, fil-bidu konna nippruvaw naqsmu l-ġurnata tal-Milied bejn Malta u Għawdex. Maż-żmien kellna t-tfal u saret wisq diffiċli, u dan iż-żmien jew nistieden il-familja tiegħi għandna jew immorru Għawdex nieklu għand il-kunjati. L-importanti li dejjem inkunu mdawrin bil-familja. ħ
Hawn min jibda jżejjen minn Novembru għall-Milied – inti waħda minnhom jew mhux daqshekk kmieni?
Is-soltu nżejjen l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, iżda ġieli, bħal din is-sena, nibda nżejjen minn Novembru. Fuq kollox, għaliex le? La jferraħna għal ftit iktar żmien.

L-iktar kanzunetta tal-Milied favorita – u għaliex?
I Saw Mommy Kissing Santa Claus. Minħabba li r-raġel kien jilbes ta’ Father Christmas dejjem nidħak meta nismagħha.
Kliem minn kanzunetta tal-Milied li tħobb tkanta l-aktar f’dawn iż-żminijiet.
“Make my wish come true / Baby, all I want for Christmas is you” biex noqgħod inkantaha lir-raġel.
Messaġġ jew kelmtejn għall-Milied għas-segwaċi kollha tiegħek u għall-pubbliku.
Nixtieq Milied mill-isbaħ lil kulħadd, u nixtieq infakkarkom li meta niltaqgħu mal-familja, inżommu f’moħħna li kulħadd għandu l-istorja tiegħu. Ejjew ma niġġudikawx lill-familjari tagħna fuq bażi ta’ twemmin reliġjuż, opinjonijiet politiċi, orjentazzjoni sesswali jew anke fuq id-dehra jew id-daqs tagħhom. L-importanti hu li napprezzaw lil xulxin, napprezzaw l-isforz li jagħmel kulħadd biex ikun hemm, u ngħożżu l-mumenti flimkien. Qatt ma nafu meta jista’ jkun l-aħħar Milied flimkien għalhekk ejjew ngħadduh b’imħabba, rispett u qalb waħda.
It-tim ta’ Gwida.mt japprezza immensament din l-intervista li Claire ġentilment aċċettat li tagħmel! Nirringrazzjawha mill-qalb għall-ħin tagħha u talli qasmet magħna tant ħsibijiet. Awguri għal Milied hieni u għas-sena l-ġdida l-2026, għażiża!
Claire Apap