91 Sena Mill-Bini Tal-Kunvent Tal-Klarissi f’San Ġiljan – Storja Ta’ Fidi U Dedikazzjoni

Ilbieraħ tfakkar anniversarju importanti marbut mal-komunità reliġjuża f’San Ġiljan, hekk kif fil-25 ta’ Marzu 1935 tlesta l-bini tal-Kunvent tas-sorijiet tal-Klarissi – jiġifieri 91 sena ilu.

Dan il-kunvent għandu storja sinifikanti għall-lokalità, b’mod partikolari għax Suor Marie Louise Calleja kienet waħda mill-ewwel vokazzjonijiet Ġiljaniżi li ngħaqdet ma’ din il-komunità reliġjuża.



Il-ħajja tas-sorijiet tal-Klarissi hija mibnija madwar it-talb, li jibqa’ l-ewwel u l-aktar prijorità fil-ġurnata tagħhom. Fil-fatt, huma jqattgħu ħafna mill-ħin miġbura fit-talb u fl-adorazzjoni, li permezz tagħhom isaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u jkomplu jgħixu l-vokazzjoni tagħhom b’dedikazzjoni sħiħa.



Madankollu, il-ħajja fil-klawsura ġġib magħha wkoll sfidi, speċjalment meta tidħol il-firda mill-familja. Meta mara tidħol fil-monasteru, din il-bidla tkun waħda diffiċli, iżda s-sorijiet jispjegaw li l-fidi tagħtihom is-saħħa biex jgħaddu minn dan l-aspett. Huma jiltaqgħu mal-familja darba fix-xahar biss, fil-parlatorju tal-monasteru.



Għalkemm jgħixu ħajja ta’ klawsura, is-sorijiet tal-Klarissi f’San Ġiljan xorta waħda jżommu kuntatt mad-dinja ta’ barra. Dan isir kemm permezz ta’ ittri u telefonati li jirċievu, kif ukoll permezz ta’ mezzi moderni bħal website u paġna fuq Facebook, li jgħinuhom jibqgħu marbuta mas-soċjetà.

Dan l-anniversarju jfakkarna fil-wirt spiritwali u storiku ta’ din il-komunità, kif ukoll fid-dedikazzjoni kontinwa tas-sorijiet li għadhom illum jgħixu ħajja ta’ talb u servizz.

Ritratti:

Facebook / Klarissi Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI