L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqfet il-pjanijiet minn sid ta’ farmhouse fil-Fgura, li jrid li d-dar tiegħu tiċċaqlaq briksa briksa lejn il-kampanja ġewwa l-Bidnija. L-applikazzjoni tal-ippjanar hi kemxejn stramba. Bażikament sid id-dar talab li tiżżarma l-farmhouse ta’ 130 metru kwadru minn Wied Blandun fil-Fgura, u jirrilokaha fil-Bidnija.
Is-sid irid li l-bini jiġi rilokat minħabba l-iżvilupp ta’ triq ġdida – proposta mill-istess sidien tal-art. Is-sit tal-Fgura jinsab fil-viċin ta’ żona urbana, filwaqt li ż-żona tal-Bidnija tinsab fit-tarf ta’ xifer prominenti li jikkonsisti f’art miftuħa kkaratterizzata minn blat u mdawra minn għelieqi f’żona ta’ importanza ekoloġika.
L-ERA issa talbet alternattivi raġonevoli, bħal ċaqliq marġinali tal-bini fl-istess sit fil-Fgura, jew inkella disinn mill-ġdid tal-formazzjoni tat-toroq proposta fil-Fgura. L-ERA qalet li bini fuq sit li mhux żviluppat fil-Bidnija kien ta’ tħassib ambjentali sinifikanti, minħabba li dan iwassal għall-użu ta’ art rurali biex takkomoda l-iżvilupp urban.
Nature Trust ukoll rat li din l-applikazzjoni tant kienet stramba li qatt ma missha ġiet ippubblikata.
Facebook / Catherine Mercieca