Hospice Malta Tappella Għall-Appoġġ U L-Ġenerożità Tal-Pubbliku Sabiex Din Il-Ħolma Ssir Realtà

Hospice Malta qed tniedi l-maratona ġbir ta’ fondi “Bl-Imħabba Naslu” li se tixxandar fl-14 ta’ Frar fuq l- istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni, bejn nofsinhar u nofsilejl. Il-maratona se ssir b’risq il-proġett St Michael Hospice li se jservi bħala l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva f’Malta, u jgħin lill-eluf ta’ pazjenti u familji li llum jużaw is-servizzi tal-Hospice b’xejn.

Dan sar fil-preżenza tas-Sinjura Miriam Vella, Patruna ta’ Hospice Malta, fil-Palazz tal-President f’San Anton nhar it-Tnejn 8 ta’ Frar. L-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lill-pazjenti li qed jissieltu mal-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Bħalissa Hospice tgħin iktar minn 1,300 familja fis-sena. Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind irringrazzjat lis-Sinjura Vella f’isem it-tim kollu tal- Hospice Mata u l-familji li jagħmlu użu mis-servizzi tagħha.

“Hospice Malta ilha tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva għal dawn l-aħħar 32 sena għal pazjenti li qed jissieltu ma’ kundizzjonijiet li jillimitaw il-ħajja. Hekk kif il-kundizzjonijiet mediċi jkomplu jiżdiedu, hemm bżonn li nkomplu nespandu s-servizzi tal-Hospice biex inkunu nistgħu nilħqu aktar pazjenti u noffulhom aktar servizzi, biex ikunu jistgħu jibqgħu fl-ambjent tad-dar tagħhom għall-itwal żmien possibbli.

Din il-mira tista’ tinkiseb biss permezz tal-proġett St Michael Hospice li se jippermetti l-espansjoni tas-servizzi fil-komunità, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda bħal dawk ta’ sptar għall-pazjenti tagħna.” Permezz ta’ dan il-proġett nazzjonali, Hospice Malta se tkun tista’ tkompli tipprovdi servizz komprensiv immirat lejn is-saħħa fiżika tal-pazjenti, kif ukoll elementi psikosoċjali u spiritwali tal-pazjenti u l-familji tagħhom li għaddejjin minn dan il-vjaġġ diffiċli.





Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, sostna kif is-sena li għaddiet kienet iktar diffiċli hekk kif l- NGO affaċċjat numru ta’ diffikultajiet relatati mal-pandemija COVID-19, speċjalment biex jinġabru l-fondi meħtieġa biex isostnu s-servizzi tal-Hospice. Huwa appella għall-appoġġ mill-pubbliku u l-komunità tan- negozju biex jgħinu lil Hospice f’dan ir-rigward. Fid-diskors tagħha, is-Sinjura Miriam Vella esprimiet li hemm bżonn ngħinu lil dawk li sfortunatament għaddejjin minn problemi personali. Is-Sinjura Vella qalet li temmen fil-ġenerożità tal-komunità Maltija u li, kif jimplika l-isem tal-maratona, Bl-Imhabba Naslu.



“Bl-imħabba u kompassjoni għal xulxin, flimkien għandna naslu sabiex inwettqu il-proġett St Michael Hospice għal dawk li tant għandhom bżonnu,” qaletis-Sinjura Vella. Hospice Malta tappella għall-appoġġ u l-ġenerożità tal-pubbliku sabiex din il-ħolma ssir realtà għall- popolazzjoni kollha Maltija u Għawdxija. Donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ telefonati, SMS, Pledges, BOV Mobile u donazzjonijiet onlajn kif jidher hawn taħt: ĊEMPEL: €25 – 5180 2024 I €50 – 5190 2031

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI