Fil-programm fuq “Taħt L-Umbreklla’ ta’ Renato Vella fuq ONE Radio, kien hemm mistiedna x-xandara Anna Bonett. Xħin Renato jsemmi l-grupp leġġendarju, “The Smokeys”, Anna temozjona ruħha u tgħid lill-preżentatur biex jitfa’ l-kanzunetta. Isma’ hawn;
Xħin jerġgħu jidħlu lura On-Air, Anna tistqarr mal-preżentatur li din il-kanzunetta tfakkarha ħafna f’ħuha, “L-Ismokey inħobbhom imma inħobbhom ukoll għax iħobbhom ħija, meta konna għadna d-dar… Victor ħija ż-żgħir ħlief Smokey ma kienx idoqq”.
Darba Anna u ħuha marru saħansitra jaraw kunċert tal-Ismokey … “u vera ħadna pjaċir” tgħid Anna. Anna b’vuċi miksura tgħid lis-semmiegħa, “Nixtieq li permezz ta’ dik id-diska, nibgħat pożittività lil ħija. Ħija ma jiflaħx, għandu bżonn ħafna talb”.

Ningħaqdu mal-preżentatur u nħeġġu lill-qarrejja tagħna biex nitolbu għal ħu Anna. Bħalissa dan qiegħed jiġi rikoverat l-isptar. “Jien nemmen ħafna fit-talb” tgħid Anna.
Fl-intervista Anna tħeġġeġ lis-semmiegħa kollha, “Din tal-Covid mhijiex ċajta, aħna nies li nħobbu ngawdu! Iktar ma noqgħodu kwieti għalina u waħidna iktar aħjar. Naħseb fil-familja tagħna u minn xiex għaddejin u dawk il-familji li għandhom nies l-isptar. Ma nistax ma ngħidx grazzi lill-ħaddiema li jieħdu ħsieb il-pazzjenti b’mod speċjali dawk tal-ITU”.
Kuraġġ Victor!