Qisu lbieraħ! Ġa għaddiet sena mill-avventura tat-tieni staġun ta’ X Factor Malta! Ilbieraħ fakkarna l-memorja ta’ meta Destiny kienet premjata bħala t-tieni rebbieħa ta’ dan il-programm popolari.
Min qatt kellu jgħidilna sena ilu, x’inhu ġej! Destiny rebħet id-dritt li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest iżda sfortunatament il-festival għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu kellu jitħassar minħabba l-pandemija.
Kien ftit ġranet biss wara li ħarġet All of my Love li Destiny skopriet li l-avventura tagħha fil-Eurovision Song Contest waqfet hesrem. Iżda aktar tard ġie mħabbar, li Malta ħa tkun qed tibgħat lill-kantanta fis-sena 2021.
Ommha Alexia, ilbieraħ ħalliet messaġġ tassew ħelu fuq il-mezzi soċjali. Hi kitbet, “X’emozzjoni u xi vjaġġ kbir kien… dejjem grati għall-appoġġ kostanti tagħkom.” Il-vjaġġ ikompli din is-sena, hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin wieħed ħa jkun qed jistenna biex jisma’ l-kanzunetta Maltija.
Il-kanzunetta li Destiny ħa tkun qed tikkompeti biha ġewwa Rotterdam. Ħafna mill-kantanti ħa jirritornaw din is-sena, iżda mhux kollha kellhom ix-xorti ta’ Destiny. Hemm pajjiżi li ddeċidew li jorganizzaw selezzjoni mill-ġdid jew inkella jibagħtu kantant differenti għal dan il-festival.
Nittamaw li Destiny jkollha kanzunetta b’saħħitha sabiex tikkompeti u toħroġna b’kull unur kif dejjem għamlet barra minn xtutna.
Facebook / Alexia Chukunyere