Fi stqarrija li ħarġet mill-Ministeru tax-Xogħol u l-Edukazzjoni dwar il-ftuħ tal-iskejjel ġie kkonfermat li filwaqt li l-edukaturi se jirritornaw lura fl-iskejjel fit-28 ta’ Settembru li ġej, ġie deċiż li t-tfal u l-istudenti tal-iskejjel tal-Istat tal-età obbligatorja ma jibdewx l-ewwel ġurnata tal-iskola kollha fl-istess jum fit-30 ta’ Settembru 2020.
Minflok id-dħul lura fl-iskejjel jitqassam fuq medda ta’ jiem differenti, skont is-sena tagħhom, fuq perjodu ta’ mhux iktar minn ġimgħa b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2020. B’hekk, sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola. Il-Ministeru jinsisti li m’hemm l-ebda dubju li l-aqwa edukazzjoni għat-tfal tagħna tinkiseb fil-klassi.
Dan hu kkonfermat kemm mill-esperti tal-edukazzjoni lokali u internazzjonali u kemm mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta u barra minn xtutna – għalhekk hu d-dover tagħna lkoll hu li nagħtu din l-aqwa edukazzjoni, fil-klassi lit-tfal Maltin.
L-ewwel ġurnata ta’ attendenza għall-istudenti, għalhekk, se tkun differenti skont is-sena tagħhom. Il-ġenituri u l-kustodji se jkunu qed jirċievu informazzjoni dettaljata llum stess mill-iskejjel tagħhom.
Il-ġenituri u l-kustodji se jkollhom il-libertà sħiħa li jagħżlu jekk jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola jew le u kulma għandhom jagħmlu hu li jinformaw lill-iskola bid-deċiżjoni tagħhom. Id-deċiżjoni ta’ kulħadd se tkun qed tiġi rispettata u matul is-sena skolastika lezzjonijiet pre-rekordjati fuq l-internet (online) bla ħlas ħa jkunu qed jiġu provduti!
Facebook / Edukazzjoni