L-MEP Daniel Attard Isib Appoġġ Qawwi Fi Brussell Hekk Kif Jippreżenta R-Rapport Tiegħu Dwar Turiżmu Sostenibbli

L-MEP Daniel Attard għadu kif ippreżenta r-rapport tiegħu dwar it-turiżmu sostenibbli fil-Parlament Ewropew – u jidher li x-xogħol tiegħu laqa’ approvazzjoni wiesgħa minn kważi l-gruppi politiċi kollha kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Pass li jikkonferma li l-prijoritajiet ta’ Malta, speċjalment bħala gżira, qed jinstemgħu b’saħħithom fi Brussell.

Konnettività għall-gżejjer: “Mhijiex lussu, iżda ħtieġa”

Attard saħaq li għal pajjiż bħal Malta, il-konnettività hija linja ta’ ħajja essenzjali – kemm għan-negozji kif ukoll għat-turiżmu. Fil-proposti tiegħu, huwa qed jimbotta għal:

  • aktar flessibbiltà fir-regoli li jolqtu l-linji tal-ajru nazzjonali;
  • investiment akbar f’trasport nadif u servizzi marittimi essenzjali;
  • protezzjoni kontra dipendenza eċċessiva fuq linji tal-ajru privati;
  • titjib fil-konnessjonijiet għall-Maltin u għat-turisti li fuqhom tiddependi l-ekonomija tagħna.

Turiżmu li jagħti ġieħ lill-komunitajiet u lill-ambjent

Fuq il-kwalità tal-ħajja, Attard jenfasizza li l-iżvilupp turistiku għandu jsir b’mod bilanċjat, partikolarment f’pajjiżi u bliet żgħar bħal tagħna. Ir-rapport jinkludi fost oħrajn:

  • regoli aktar ċari u effettivi għall-kirjiet għal żmien qasir;
  • pjanar aktar intelliġenti biex jiġu evitati pressjonijiet żejda f’żoni popolati;
  • projbizzjoni tal-użu tal-plastik fl-industrija tat-turiżmu.

Ħaddiema fis-settur: aktar ħiliet u kundizzjonijiet aħjar

Fuq livell Ewropew, il-ħaddiema fis-settur turistiku ħafna drabi jaffaċċjaw sfidi bħal nuqqas ta’ taħriġ u pressjoni fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Attard qed jipproponi:

  • Strateġija Ewropea għall-upskilling u reskilling;
  • Tourism Skills Card biex l-esperjenza tal-ħaddiem tkun rikonoxxuta madwar l-Ewropa;
  • aktar investiment fit-taħriġ permezz tal-programmi Ewropej.

Il-voluntiera u l-wirt kulturali fil-qalba tar-rapport

Parti importanti oħra tar-rapport tiffoka fuq il-kontribut tal-voluntiera li jżommu ħaj il-wirt kulturali ta’ Malta u tal-Ewropa. Proposti ewlenin jinkludu:

  • qafas Ewropew ta’ appoġġ u rikonoxximent għall-voluntiera kulturali;
  • fond Ewropew għall-wirt intanġibbli;
  • aktar appoġġ għal inizjattivi komunitarji u tradizzjonijiet lokali.

“Bilanċ bejn it-turiżmu u l-komunità”

Fil-kumment tiegħu, Attard enfasizza li r-rapport qed jippreżenta viżjoni konkreta għal turiżmu sostenibbli:

“Dan ir-rapport huwa mibni fuq ir-realtajiet diversi tal-ibliet, il-pajjiżi u l-ġnus Ewropej li jagħtuna l-identità unika tagħna. Ilkoll differenti iżda ilkoll bi sfidi komuni li jirrikjedu soluzzjonijiet komuni biex insibu bilanċ bejn it-turiżmu u l-komunità, bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja.”

Ir-rapport issa jgħaddi għall-passi li jmiss fil-Parlament Ewropew u mistenni jikkontribwixxi b’mod dirett għall-istrateġija Ewropea għat-turiżmu sostenibbli li se tiġi ppublikata mill-Kummissjoni lejn nofs is-sena d-dieħla.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI