Għal żmien il-Milied, aħna mit-tim ta’ Gwida.mt kellna l-opportunita` li nitkellmu mal-personalita` lokali Josline Camilleri, magħrufa għall-parteċipazzjoni tagħha fl-ewwel staġun ta’ Big Brother u għall-karattru ħelu u ferrieħi tagħha.
Josline kienet proprju l-ewwel persuna li daħlet fid-dar, l-ewwel Għawdxija li ħalliet impatt fuq dawk kollha li segwew il-programm u minn hemm kompliet isir aktar popolari. Hija baqgħet attiva fuq il-mezzi soċjali u anke bdejna narawha fuq it-televiżjoni.
1. Semmi xi tradizzjonijiet li tħobb tagħmel f’dawn iż-żminijiet ta’ festi li jfissru ħafna għalik?
Żgur li li nagħmel is-siġra tal-Milied flimkien mat-tfal t’oħti. Niltaqa’ ħafna iktar mal-familja. Li nisimgħu l-quddiesa ta’ nofs il-lejl. Filwaqt li fil-Milied nagħmlu l-ikla tal-familja u nivvintaw xi logħob li tieqaf mill-kumplament tal-ħajja u tgħaddi siegħa flimkien b’mod preżenti.
2. Xi jżommok motivata, speċjalment meta tkun qed taffaċċja xi sfidi fil-ħajja?
Ir-relazzjoni mal-familja u l-ħbieb, speċjalment oħti Lorinda, ice baths, in-natura – b’mod speċjali l-baħar u x-xemx. Jien ngħum xitwa u sajf. Din it-tieni sena li qed ngħum fix-xitwa.
Ħafna jaħsbu ħsibijiet ħżiena fuq il-baħar fix-xitwa imma tajjeb tkunu tafu li: Jsaħħaħ s-sistema immunitarja, l-ilma kiesaħ jgħin biex jistimula r-rispons naturali tal-ġisem kontra l-mard. Innaqqas l-istress u l-ansjetà, l-għawm f’ilma kiesaħ jgħin biex jinħelsu endorfini li jtejbu l-burdata. Itejjeb iċ-ċirkolazzjoni tad-demm, il-bidla fit-temperatura tgħin biex id-demm jiċċirkola aħjar madwar il-ġisem. Insaħħaħ id-dixxiplina mentali, meta tgħum fix-xitwa, teħtieġ fokus u determinazzjoni li jgħinu biex tissaħħaħ mentalment.
3. Kieku stajt tagħti parir lilek innifsek meta kont żgħira, x’kont tgħidilha?
Segwi il-feeling u emmen fik innifsek b’mod sħiħ – kellem lilek innifsek u aghti sapport daqs li kieku qed taghtih lil ħabiba tiegħek.
Iġġibx il-ħaddieħor qablek għax int għandek leħen bħal ħaddiehor u il-feeling tiegħek mibgħut mill-bambin huwa b’saħħtu biżżejjed biex imexxik fit-triq li hemm miktuba għalik. Għax la miktuba għalik int biss tista’ taraha u tħossa. Tirreżistix il-bidla, biddel il-ħsibijiet il-ħżiena f’dawk tajbin. Tgħallem għid le u hu deċiżjonijiet diffiċli anke jekk ikollok tħalli xi nies warajk, speċjalment jekk ikunu qed iżommuk milli tilħaq u tesprimi dak li għandek ġo fik b’mod naturali. L-imħabba qabel kollox u aqsam it-tbissima.
4. Kif biddlitlek il perspettiva tal hajja l-esperjenza fuq Big Brother?
Kien esperiment qawwi fuq kulħadd, kemm in-nies ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra. Irrealizzajt kemm hawn nies f’solitudni u kemm hemm min jixtieq kumpanija. Ikkonfermajt li meta int twaqqa’ l-ħajt li tibni b’mod mentali, u tagħżel li tkun vulnerabbli, taqsam is-sentimenti u tkun reali – ħaddieħor jagħmel l-istess.
Il-biki, id-daħk, ir-rabja u li tesprimi kull emozzjoni hija fejqan li ħafna minna għandna bżonn, imma minħabba dak li d-dinja tistenna minnek, kien hemm min joqgħod lura. Inħoss li meta jien qsamt l-istorja tiegħi, ħaddieħor kien lest jaqsam tiegħu u flimkien noħolqu komunita’ reali u nħossuna aħjar bis-saħħa ta’ xulxin, għax kulħadd jaqsam il-mod tiegħu ta’ kif jaffaċċja l-ħajja u nitgħallmu minn xulxin, apparti li insibu serħan f’xulxin. Ħaġa oħra li ħassejt, hi li fis-social media tant konna mdorrijin nixxenqu għall-perfezzjoni – safar, rigali lussuzi, ditti u affarijiet li bil-ħajja għolja ma nistgħux inlaħħqu magħhom – li meta n-nies raw nies komuni bħalhom u qed jaqsmu l-ħajja ta’ kuljum flimkien – ħafna nies irrelataw. Fhimt iktar kemm hemm bżonn nuru in-normalita` bl-imperfezzjoni tal-ħajja.
Il-ħajja tiegħi vera nbidlet, nista’ ngħid li mill-Big Brother sibt ħbieb, anzi Marvic u Sean sirna bħal aħwa u qed naqsam ħajti magħhom illum! Qatt ma bsart li saħansitra għamilt programm ma’ Marvic “Qabża” u li wara ser nkun qed immexxi programm tiegħi waħdi “Siegħa mal-Għawdxija” fejn il-mira hi dik li naqta’ lin-nies mir-realta` u ntihom siegħa ta’ pjaċir b’taħlita ta’ affarijiet li juru min hi Josline, ġewwa Għawdex. Kuntenta ħafna li kien hemm nies li mhux biss aċċettawni imma li urewni li jħobbuni għal min jien u jixtiequ jaħdmu miegħi għal min jien. Inħossni grata mmens u nixtieq nirringrazzja il kulħadd li kien parti mis-sapport għal ħajja ġdida tiegħi u u nerġa’ ngħid li ħabbewni kif jien.
Nirringrazzjaw lil Josline talli għażlet li tiftaħ qalbha magħna u taqsam magħna dawn il-ħsibijiet profondi. Verament ħadna gost nitkellmu magħha.
Facebook / Josline Camilleri