Waqt l-intervista li kellha l-E.T. Il-President Myriam Spiteri Debono bi preparazzjoni għal L-Istrina, tkellmet dwar il-mewt tal-għażiż żewġha, u l-battalja li affaċċjaw.
“Il-mewt ta’ żewġi ġiet ħafna għall-għarrieda,” tistqarr il-President. Tirrakkonta kif darba waħda waqt avveniment, professur mediku ħabib tagħhom, ġibdilha l-attenzjoni biex tieħu ħsieb żewġha, għax qed jarah li niżel wisq.
“Kien hemm ġimgħa fejn għidna jista’ jkun il-biċċa tista’ titwal… imma mbagħad skoprew li dan li kellu, f’qasir żmien,” tispjega l-President.
Hekk kif kemm bħala nutar kif ukoll bħala President tiltaqa’ ma’ ħafna nies u stejjer differenti, f’dan il-perjodu setgħet tifhimhom aħjar.
“Bdejt nifhem dik il-kelma meta n-nies kienu jgħiduli, ‘m’għandekx idea kif imbela’/imbelgħet!'”
Tkompli tgħid dwar l-aħħar ġranet ta’ żewġha. “L-aħħar ftit, kull siegħa kont qed nara li jkun hemm deterjorazzjoni, fl-aħħar ftit ġranet, u dik impressjonatni,” stqarret Il-President Spiteri Debono.
“Lilek innifsek ma tistax tgħinek, kienet iċ-ċirkostanza tiegħi. M’hemm xejn x’tagħmel,” iżżid dwar dak li ħasset f’dak il-perjodu.
Tagħlaq billi tgħaddi parir anke lil min qed jisma’. “Inti fil-ħajja dejjem tagħmel dak li għandek tagħmel, u tibqa’ għaddej.”