Josef Felice Funeral Services ħabbru fuq il-mezzi soċjali li ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa biex tingħata l-aħħar tislima lill-maħbub Ismael Galea se ssir nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Diċembru 2025, fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep t’Aġġira, Ħaż-Żebbuġ, fit-15.00. Il-familja talbet li jintlibes ilbies ċar.
Aktar kmieni dan ix-xahar, meta Ismael għadda għall-ħajja ta’ dejjem, oħtu qasmet messaġġ emozzjonanti fejn kitbet, “Ħija ż-żgħir u għażiż tiegħi Ismael, f’dan il-mument m’għandix kliem. Kellna rabta li qatt ma setgħet tinkiser sa mill-jum li twelidt. Ma konniex biss ħu u oħt, imma konna wkoll l-aqwa ħbieb. Int għallimtna kif ngħixu, kif nitbissmu u kif nidħku f’kull sitwazzjoni, għax it-tbissima sabiħa tiegħek kienet iddawwal lil kull min kien madwarek.”
Hi żiedet, “Il-memorji tal-kafè u kejk flimkien, il-vjaġġi bil-karozza, il-ġranet tax-xiri, il-ġranet il-baħar u d-daħk bla tmiem li qsamna flimkien se jibqgħu għal dejjem f’qalbi. Strieħ fis-sliem, ħija l-għażiż, u dejjem se nimmissjak immens. Oħtok il-kbira se tibqa’ tħobbok bla qies. Grazzi talli beriktni bil-preżenza tiegħek f’ħajti.”
F’isem it-tim ta’ Gwida, ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familja u nitolbu li jsibu faraġ u serħan il-qalb f’dawn iż-żminijiet diffiċli.