“Ċellinu Għandu Tifsira Speċjali Ħafna Għalija… In-Nannu Kien Avviċinani Biex Nagħti L-Ħajja Lil Ċellinu Fuq It-Televiżjoni” – Abigail Gatt

Gwida.mt tkellmet ma’ Abigail Gatt, li hi l-attriċi li kienet ħadmet il-karattru ta’ Ċellinu. L-anġlu mqareb iżda b’qalb tad-deheb, li ħafna Maltin u Għawdxin tant jiggustaw!

Abigail, li hi n-neputija tal-attur lokali Joe Gatt, tkellmet magħna dwar memorji sbieħ minn din il-produzzjoni, fosthom il-filming. Kienu ħadu sehem anke membri mill-familjari tagħha.

Abigail, xi tgħidilna dwar il-mument meta ġejt avviċinata li tinterpreta l-parti ta’ Ċellinu? X’tiftakar minn dakinhar?



Ċellinu għandu tifsira speċjali ħafna għalija. L-istorja nkitbet minn nannu tiegħi, Joe Gatt, bħala storja għar-radju oriġinarjament, u dak iż-żmien interpretat il-parti z-zija tiegħi. Imbagħad 21 sena ilu, in-nannu avviċinani biex nagħti l-ħajja lil Ċellinu fuq it-televiżjoni, u niftakar li ħassejtni emozzjonata ħafna u onorata li ġejt fdata b’din il-parti. Kont għadni żgħira kelli biss 8 snin, imma kont eċitata u nervuża wkoll għax jien nistħi ħafna! Però kien mument speċjali ħafna għalija, kemm bħala esperjenza artistika kif ukoll fuq livell personali u familjari.



Kien hemm xi mument/i minn wara l-kwinti li tibqa’ tiftakar?

Żgur. Kelli x-xorti naħdem ma’ artisti kbar ta’ dak iż-żmien, u dik hija esperjenza li nibqa’ ngħożż ħafna sal-lum. Kien ta’ unur għalija, speċjalment f’età daqshekk żgħira, li nkun parti minn produzzjoni b’tant talent madwari. Min-naħa l-oħra, kien hemm ukoll ħafna mumenti ta’ daħk, speċjalment mal-kuġin tiegħi Lyon, li kien jinterpreta l-parti ta’ Albert. Konna nieħdu gost ħafna flimkien. Niftakar darba kellna noqogħdu nċafċfu u niġru ħafjin il-Belt Valletta fil-kesħa ta’ Diċembru – dak il-ħin ħadnieha biċ-ċajt u dħakna ħafna, imma naturalment spiċċajna blajna riħ wara!

X’tgħallimt minn din l-esperjenza, f’dak li hu reċtar/arti?

Għallmitni l-importanza tal-preparazzjoni, id-dixxiplina u x-xogħol f’tim, kif ukoll kif nesprimi emozzjonijiet u nkun iktar kunfidenti.

Xi proġetti oħra li ħdimt/ ħadt sehem fihom, li tibqa’ tiftakar bħala attriċi?

Minbarra Ċellinu, ħadt sehem ukoll fis-serje Għeruq, esperjenza li baqgħet waħda sabiħa u memorabbli għalija.



Abigail, int bqajt taħdem xi rwoli bħala attriċi riċentament jew bħalissa?

Le, apparti Ċellinu u Għeruq ma kontx involuta f’irwoli riċenti, u biex inkun onesta ma tantx jiena interessata fix-xena teatrali jew televiżiva, hekk kif il-ħajja ħaditni f’direzzjonijiet u karrieri oħra.

Kurżità, għadek tarah Ċellinu, forsi f’dawn iż-żminijiet?

Iva, kull sena fil-ġurnata tal-Milied. Għadni nħoss li Ċellinu għandu xi ħaġa speċjali u jgibli nostalġija sabiħa.

Liema parti mill-istorja tibqa’ tolqtok l-iktar?

Il-mumenti li jinvolvu daħk u divertiment dejjem jibqgħu għal qalbi, speċjalment dawk ma’ Anġlu u Albert. Ukoll xeni emozzjonali li juruna l-valuri tal-familja u l-Milied inħobbhom ħafna. Ċellinu huwa speċjali ħafna għalija u għall-familja tiegħi, meta tidher f’xi xeni wkoll in-nanna tiegħi, li llum m’għadhiex magħna għaliex nibqgħu nisimgħu ftit leħinha.

Messaġġ mingħand Abigail għat-telespettaturi kollha u s-segwaċi ta’ Gwida.mt għal dan il-Milied

Nixtieq lil kulħadd Milied mimli mħabba, ferħ u paċi ma’ dawk li huma għeżież għalikom. Nispera li tkomplu ssibu ħin biex tgawdu l-mumenti żgħar li jagħmlu l-ħajja speċjali u nittama li l-istorja ta’ Ċellinu, tibqa’ fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin.

Prosit kbira Abigail u nirringrazzjawk mill-qalb talli sibt ħin biex titkellem magħna dwar din il-produzzjoni li ma nistgħu ninsew qatt!

Ritratti:

Ċellinu/ Tokis/ GO TV

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI