L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija ħamra, l-ogħla livell ta’ allert, hekk kif ir-riħ mil-Lvant ix-Xlokk mistenni jkompli jissaħħaħ u jilħaq qawwa ta’ riefnu minn illum, it-Tnejn 19 ta’ Jannar, matul il-ħinijiet ta’ wara nofsinhar.
Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u jevita ż-żoni kostali, b’mod partikolari dawk fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Gżejjer Maltin, fejn ir-riħ mistenni jkun l-aktar qawwi.
Dan it-temp instabbli huwa kkawżat minn sistema ta’ pressjoni baxxa fuq l-Alġerija, li se testendi lejn iċ-ċentru tal-Mediterran, tintensifika u tersaq lejn it-Tuneżija. Fl-istess ħin, żona ta’ pressjoni għolja mistennija tistabbilixxi ruħha fuq ir-reġjun tal-Balkani.
Skont it-tbassir tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, il-qawwa medja tar-riħ mistennija tilħaq Forza 8 sa 9, b’buffuri li jistgħu jilħqu wkoll Forza 9, speċjalment fiż-żoni esposti. Ir-riħ jista’ jissaħħaħ aktar għal riefnu qawwi u mistenni jippersisti sa għada, it-Tlieta 20 ta’ Jannar, filgħaxija.
Għaldaqstant, it-twissija ħamra relatata mar-riħ ta’ qawwa ta’ riefnu mistennija tibqa’ fis-seħħ sa għada filgħaxija. Barra minn hekk, twissijiet oħra marbuta ma’ riħ qawwi, anke jekk mhux ta’ livell ta’ riefnu, mistennija jinħarġu wkoll fil-jiem ta’ wara.
B’mod speċifiku għall-baħħara, hemm ukoll twissija ħamra fis-seħħ għall-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett, minħabba mbatt moderat mil-Lvant għall-Grigal.
Minbarra r-riħ qawwi, huma mistennija wkoll ħalbiet iżolati ta’ xita li jistgħu jkunu qawwija u akkumpanjati bir-ragħad, li se jolqtu l-Gżejjer Maltin mil-lejla sa nhar l-Erbgħa 21 ta’ Jannar filgħodu. Mhux esklużi wkoll ħalbiet tas-silġ. L-aktar xita intensa mistennija matul il-ġurnata tat-Tlieta.
Maltempati bħal dawn mhumiex rari f’dan iż-żmien tas-sena. Fil-24 ta’ Frar tal-2019, maltempata simili magħrufa bħala Grigalata kienet laqtet lill-Gżejjer Maltin, meta r-riħ kien laħaq Forza 8 sa 9, għalkemm kien qed jonfoħ mill-Grigal. Aktar riċentement, fi Frar tal-2023, il-maltempata Helios ikkawżat ukoll ħsarat estensivi, kemm minħabba r-riħ qawwi mil-Lvant għal Grigal il-Lvant kif ukoll minħabba x-xita qawwija li niżlet għal perjodu twil fuq il-Gżejjer Maltin.