Jidher li Frar mhux se jiba bil-bnazzi hekk kif il-gżejjer qed iħejju ruħhom għal tmiem il-ġimgħa mimli riħ qawwi u kundizzjonijiet instabbli. Il-lejl bejn is-Sibt 31 ta’ Jannar u l-Ħadd 1 ta’ Frar huwa mistenni jkun l-aktar wieħed impenjattiv, b’riħ li jista’ jilħaq Forza 9 – kważi fuq l-istess livell ta’ dak li ġie esperjenzat waqt il-maltempata Harry.
Minbarra r-riħ qawwi, il-baħar huwa mistenni jkun imqalleb ħafna. Għalkemm matul il-Ħadd ir-riħ għandu jonqos xi ftit għal Forza 6 sa 7, il-kundizzjonijiet tal-baħar xorta waħda se jibqgħu diffiċli sa tard it-Tnejn. Għalhekk, min qed jippjana vjaġġ bil-baħar huwa mħeġġeġ jieħu prekawzjonijiet, filwaqt li żoni kostali jistgħu jsiru perikolużi u huwa rakkomandat li wieħed jibqa’ ’l bogħod minn xatt espost.
Ix-xita se żżid aktar drama fit-tmiem il-ġimgħa. Is-Sibt qed iġib miegħu ċans ta’ 85% xita fejn mistennija tinżel bejn 6mm u 15mm ta’ xita, filwaqt li l-Ħadd hemm 55% ċans ta’ xita, b’hekk mistenni bejn 2mm u 9mm. U jekk dan mhux biżżejjed, is-Sibt bil-lejl huwa mistenni jinħass kiesaħ ħafna, b’temperatura li tinħass madwar 5°C – tmiem il-ġimgħa ideali għal ħafna ħwejjeġ, xalpi, ġkieket u xarbiet sħan.
L-aħbar it-tajba hija li t-temp għandu jibda jikkalma mit-Tnejn 2 ta’ Frar ’il quddiem. S’issa ma hemm l-ebda xita mbassra, ir-riħ għandu jmajna, u t-temperaturi huma mistennija jogħlew ftit, u jagħtuna nifs ta’ serħan.