Skoperta Xjentifika Fi Spanja Tqajjem Tama Ġdida Fil-Ġlieda Kontra L-Kanċer Tal-Frixa

Żvilupp xjentifiku importanti li seħħ fi Spanja qed iqajjem tama ġdida fil-qasam tar-riċerka dwar il-kanċer. Xjentisti fiċ-Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka tal-Kanċer Spanjol rnexxielhom jeqirdu kompletament il-kanċer tal-frixa fil-ġrieden, permezz ta’ terapija innovattiva magħrufa bħala triple combination therapy.

Din ir-riċerka, li ġiet ippubblikata fil-ġurnal xjentifiku prestiġjuż PNAS, qed titqies bħala pass sinifikanti ’l quddiem f’qasam li sa issa kien wieħed mill-aktar diffiċli biex jiġi ttrattat b’suċċess.Il-kanċer tal-frixa huwa magħruf bħala wieħed mill-aktar kanċers aggressivi, b’rata baxxa ħafna ta’ fejqan. Dan jiġri l-aktar minħabba li s-sintomi tiegħu ħafna drabi jidhru tard, kif ukoll għax il-kanċer għandu t-tendenza li jiżviluppa reżistenza għat-trattamenti wara ftit xhur.

S’issa, l-iktar trattament avvanzat jaħdem billi jimblokka ġene partikolari li f’madwar 90% tal-pazjenti bil-kanċer tal-frixa jkun mibdul. F’din ir-riċerka ix-xjentisti rnexxielhom joħolqu mblokk fi tliet punti differenti fl-istess ħin. Ir-riżultat kien wieħed straordinarju – it-tumur sparixxa għal kollox fil-ġrieden.

Ir-riċerka tmexxiet mix-xjenzat Mariano Barbacid, li spjega li minkejja r-riżultati pożittivi tiegħu, it-tim tiegħu għadu mhux f’pożizzjoni li jibda testijiet kliniċi fuq il-bnedmin. Madankollu, saħaq li din l-iskoperta tiftaħ bibien ġodda għall-iżvilupp ta’ terapiji aktar effettivi fil-futur.

Għalkemm it-triq lejn trattament approvat għall-bnedmin għadha twila, din ir-riċerka qed titqies bħala raġġ ta’ tama għal eluf ta’ pazjenti madwar id-dinja u tfakkarna kemm ir-riċerka xjentifika tibqa’ kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI