Il-mudella Hayley Ghiller tkellmet dwar l-acne, li hi problema fil-ġilda, normalment tkun temporanja, kosmetika, faċli biex tinjora.
“Iżda għal miljuni ta’ nies, inkluż jien, l-acne qatt ma tkun biss fuq il-wiċċ. Tmur ferm aktar fil-fond, u bil-mod taffettwa l-kunfidenza, is-saħħa mentali u l-valur personali. Għal snin twal, l-acne ffurmat il-mod kif kont nara lili nnifsi.”
Hayley ssemmi li żżommok milli tkun komda titbissem, u meta toħroġ jew tkun quddiem kamera, ma timmaġinakx mingħajr irtokk.
“Dak li ħafna ma jirrealizzawx hu li l-acne ma taffettwax biss kif tidher; taffettwa kif tgħix. F’dinja ossessjonata bil-perfezzjoni, ġilda ċara ħafna drabi tiġi marbuta mas-sbuħija, id-dixxiplina, u saħansitra mas-suċċess. Meta l-ġilda tiegħek ma tidħolx f’din in-narrattiva, huwa faċli li tibda tħoss mistħija minn ġewwa,” tkompli Hayley.
Kelma żejda jew ħarsa żejda tista’ taffettwaha persuna, u Hailey tgħid, li anke jekk hi persuna kunfidenti, kien hemm mumenti li minħabba l-acne, ħassitha diffiċli.
“Riċentament, ħadt id-deċiżjoni li nibda kapitlu ġdid fil-vjaġġ ta’ rkupru tiegħi billi għamilt l-ewwel chemical peel tiegħi… Kienet proċedura medika, magħmula taħt superviżjoni bir-reqqa.” Hi proċedura li titlob żmien, dixxiplina u grazzja.
Hayley qed taqsam dan kollu biex tkun ta’ appoġġ u ispirazzjoni għal min jaf x’jiġifieri.
“Jekk din l-istorja tgħin anke persuna waħda tħossha meqjusa, mifhuma, jew inqas waħedha, allura dan il-vjaġġ – bit-triq twila kollha tiegħu – diġà jkun sewa tajjeb.”
Prosit Hayley li qed taqsam xi ħaġa personali, li tista’ tkun ta’ kuraġġ għal ħafna.
Facebook/ Hayley Ghiller