Il-Kirkop Music Festival ħabbar uffiċjalment il-headliner tat-tielet edizzjoni tiegħu, l-ikona internazzjonali tad-dance DJ SASH!, li se jdoqq live għall-ewwel darba f’Ħal Kirkop.

Din l-edizzjoni se timmarka pass importanti fl-istorja tal-festival, hekk kif għall-ewwel darba se jkun qed jospita artist internazzjonali oriġinali fuq il-palk tiegħu. L-avveniment se jsir nhar il-Ħamis, 30 ta’ April 2026, lejlet festa pubblika, u mistenni joffri lejl ta’ divertiment u mużika għal udjenza ta’ kull età.
DJ SASH! huwa magħruf mad-dinja kollha għal suċċessi li ħallew marka fuq id-dance music tas-snin 90 u 2000, fosthom Ecuador, Stay, Encore Une Fois u Mysterious Times. Il-preżenza tiegħu mistennija ġġib spettaklu enerġetiku li jkompli jgħolli l-livell tal-festival u jattira folla kbira.
Il-Kirkop Music Festival jibqa’ jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala avveniment komunitarju li jgħaqqad divertiment ta’ kwalità ma’ skop soċjali. Għal darb’oħra, din l-edizzjoni se ssir b’risq ALS Malta+, filwaqt li d-dħul se jibqa’ b’xejn sabiex l-avveniment ikun aċċessibbli għal kulħadd.
Aktar informazzjoni dwar il-programm sħiħ tal-festival u l-artisti l-oħra se titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin permezz tal-midja soċjali tal-Kirkop Music Festival.
Facebook / Kirkop Music Festival